Lokali Parlament

Owen Bonnici ma jwiġibx

Kienu evażivi r-risposti li ta l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici fil-Parlament għall-mistoqsijiet dwar il-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikatura – tweġibiet illi qajmu dubji dwar kif qed jiffunzjona dan il-kumitat.

F’mistoqsija Parlamentari mressqa mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, hi talbet informazzjoni dwar meta beda jiffunzjona dan il-kumitat, minn meta ġiet stabbilita l-liġi tliet snin ilu.

Owen Bonnici qal lil Claudette Buttigieg biex tirreferi għal risposta li kienet ngħatat għal mistoqsija parlamentari li saret xejn anqas minn għaxar snin ilu…meta dan il-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikatura lanqas biss kien jeżisti.

The Sunday Times of Malta staqsiet lil Owen Bonnici għaliex huwa ma setax jipprovdi informazzjoni lill-Parlament.

Il-Kostituzzjoni stess tobbliga lill-Kummissjoni biex tiġbor rapport annwali u tgħaddih lill-Ministru tal-Ġustizzja – iżda din l-informazzjoni għadha sa issa mhix pubblika.

Dan kollu jkompli jkabbar it-tħassib dwar is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna… tħassib li tqajjem ukoll mill-Kummissjoni Venezja. Anke l-Professur Kevin Aquilina, li sa ftit ilu kien id-Dekan tal-Fakultà tal-Ligi,  insista li l-Gvern qed ikaxkar saqajh biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.