Kultura Lokali Mużika

Programm Mużikali tal-Banda ta’ San Gejtanu

Nhar it-Tnejn 24 ta’ Ġunju, il-Banda San Gejtanu, taħt id-direzzjoni tas-Surmast direttur tagħha, Mro. Jonathan Borg, se tkun qed tesegwixxi Programm Mużikali fil-bitħa tal-Każin San Gejtanu, propju fil-ġurnata tat-twaqqif tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, 113 –il sena ilu.

‘Vjaġġ Mużikali’, l-isem tal-Programm Mużikali għal din is-sena se jkun qed jeħodna f’diversi pajjiżi billi jindaqqu bċejjeċ mużikali minn madwar id-dinja kollha, bħal siltiet ta’ Franz Von Suppe, Vittorio Monti u Jacob de Haan. Ma jistax jonqos li se jindaqqu wkoll bċejjeċ ta’ kompożituri Maltin, partikolarment tal-eks-Surmas Direttur tal-Għaqda, Mro. Joseph Abela Scolaro li din is-sena jagħlaq 40 sena li ħalla din id-dinja.

F’din is-serata se jkunu qed jagħtu sehemhom il-Banda San Gejtanu, il-bandist Henry Fenech bħala solista fuq il-klarinett, flimkien mal-kantanti Olivia Lewis u Georg Zammit.

L-24 ta’ Ġunju hija ġurnata speċjali għall-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, meta kien propju f’dik il-ġurnata, jum il-festa ta’ San Ġwann Battista li l-Għaqda twieldet fl-1906, 113 –il sena ilu. Id-dħul għall-programm huwa mingħajr ħlas.