Internazzjonali

Renju Unit: Stimolu għall-prospetti ta’ Boris Johnson

L-eks Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, qed jidher dejjem aktar favorit li jieħu t-tmexxija tal-Partit Konservattiv fil-Gvern wara r-riżenja, jiem ilu, ta’ Theresa May li għalissa qed tkompli fir-rwol ta’ Prim Ministru tar-Renju Unit.

Dan meta l-eks rivali, Matt Hancock, li hu s-Segretarju għas-Saħħa Britanniku, esprima l-appoġġ tiegħu għal Johnson u qal li hu ‘kważi ċert li jirbaħ it-tellieqa’.

Hancock — li warrab mill-isfida għall-Kap tat-Tories wara li rebaħ biss 20 vot fl-ewwel votazzjoni mid-deputati Parlamentari Konservattivi — sostna li mgħandux dubju li ‘Boris Johnson se jilħaq Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit u li Johnson hu l-aħjar kandidat biex imexxi lill-partit ‘il quddiem’.

Fl-istess ħin Hancock ħeġġeġ għall-għaqda fost id-deputati Konservattivi, bl-istampa f’Londra tindika ‘il-possibbiltà qawwija’ li l-istess Matt Hancock jilħaq bħala Segretarju għall-Finanzi f’każ li Johnson ikun ikkonfermat Kap tal-partit fil-Gvern.

Madankollu, il-kriżi tal-Brexit kapaċi tikber taħt il-mexxej Britanniku ġdid, peress li Johnson – il-protagonista fil-kampanja tal-2016 biex ir-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea – wiegħed li pajjiżu għandu joħroġ mill-Unjoni bi ftehim jew mingħajru.

Il-Parlament Britanniku indika li għandu jipprova jwaqqaf no-deal Brexit li kapaċi jheżżeż lis-swieq finanzjarji u l-ekonomija dinjija, waqt li l-UE insistiet li mgħandhiex tinnegozja mill-ġdid il-ftehim għall-Brexit li kienet qablet dwaru Theresa May u l-Mexxejja tal-Ewropa.

Boris Johnson kiseb 114-il vot fl-ewwel rawnd tal-votazzjoni għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv fejn ħadu sehem b’kollox 313-il deputat. L-eqreb rivali tiegħu kienu s-Segretarju għall-Affarijiet Barranin, Jeremy Hunt bi 43 vot; is-Segretarju għall-Ambjent, Michael Gove, b’37 vot u l-eks Segretarju għall-Brexit, Dominic Raab., b’27 vot.

It-tieni rawnd tal-votazzjoni se jsir għada, bir-riżultat mistenni joħroġ filgħaxija. Dan meta kwalunkwe kandidat tat-Tories li jikseb 32 vot jew anqas għandu jkun eliminat mill-proċess tal-għażla.