Lokali Saħħa

Tobba jappellaw lil Kummissarju għat-Tfal biex tiddikjara l-pożizzjoni tagħha favur it-tfal fil-ġuf

Il-Kummissarju għat-Tfal għandha l-irwol li tippromwovi “il-ħarsien u l-protezzjoni speċjali għat-tfal kemm qabel kif ukoll wara t-twelid”

Il-grupp Doctors for Life qed isegwi mill-qrib dak li l-Uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal għandu xi jgħid dwar il-benesseri tat-tfal f’Malta. Dan b’mod partikolari minħabba li wieħed mill-irwolijiet prinċipali tal-Kummissarju għat-Tfal, kif dikjarat f’Kapitolu 462 tal-Att dwar il-Kumissarju għat-Tfal artiklu 9(h), hu “li jippromwovi l-ħarsien u l-protezzjoni speċjali, inkluża l-protezzjoni legali xierqa, għat-tfal kemm qabel kif ukoll wara t-twelid.”

Madankollu, isostnu Doctors for Life fi stqarrija, ir-rapporti riċenti li dehru fil-midja Maltija qanqlu tħassib. Dan hekk kif l-Uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal ġie rappurtat f’dawl li jaf juri li qed jitbiegħed mill-irwol tiegħu li jseddaq ilprotezzjoni legali li l-liġi Maltija tagħti lit-tarbija fil-ġuf.

It-tobba qalu illi hemm bżonn li jiġu implimentati miżuri aħjar biex jipprevjenu it-tqala mhux mistennija u jappoġġjaw lin-nisa tqal. Doctors for Life jaqblu mal-Kummissarju għat-Tfal fejn tirrikonoxxi l-importanza li jiġu implimentati miżuri effettivi li jevitaw it-tqala mhux mistennija. Inizzjattivi favur l-edukazzjoni sesswali, inkluż fl-użu tal-kontraċettivi, għandhom ikomplu jiġu żviluppati, jissaħħu u jsiru obbligatorji fl-iskejjel kollha wara ċertu eta’.

Doctors for Life jtennu wkoll il-bżonn li l-ommijiet żgħażagħ u dawk fil-bżonn jingħataw is-sapport kollu possibli biex ikunu jistgħu jkomplu bit-tqala u t-trobbija tat-tfal, mingħajr detriment għall-iżvilupp personali tagħhom. L-Uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal għandu jwettaq l-irwol statutorju tiegħu u jiddefendi lil ulied qabel it-twelid Doctors for Life jixtiequ jtennu li ladarba l-ħajja umana tibda mill-fertilizzazjoni, mela t-tfal qabel it-twelid tassew jixirqilhom il-protezzjoni sħiħa tal-liġi.

Ċertament li dan japplika għal Malta, fid-dawl tal-liġijiet tal-pajjiż, u Doctors for Life jinsabu determinati li jaħdmu biex din il-protezzjoni favur il-ħajja tibqa’ tingħata. Doctors for Life għalhekk qed jistennew li l-Kummissarju għat-Tfal twettaq l-irwol statutorju tagħha u mingħajr tlaqlieq ittenni l-pożizzjoni tagħha favur id-difiża ta’ ħajjet l-ulied fil-ġuf.