Futbol Sport

Trustin Farrugia Cann promoss għat-Tieni Kategorija tar-Referees tal-UEFA

(Ritratt: eve.com.mt)

Ir-referee Malti Trustin Farrugia Cann ġie promoss għat-Tieni Kategorija tar-Referees tal-UEFA. L-aħbar ġiet ikkomunikata miċ-Ċentru tar-Referees tal-MFA fuq il-media soċjali. Minkejja li għandu 33 sena, Farrugia Cann hu wieħed mill-aktar referees ta’ esperjenza fil-kampjonat Premier u fost il-logħbiet tal-istaġun, hu kkontrolla l-finali tas-Super Cup bejn Valletta u Balzan.

B’din il-promozzjoni, Farrugia Cann ingħaqad ma’ Alan Mario Sant li hu wkoll fit-Tieni Kategorija. Madwar ħames snin ilu, l-eks referee Clayton Pisani kien promoss għal din il-kategorija u seta’ jikkontrolla logħbiet mill-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League kif ukoll partiti ta’ ħbiberija.

Trustin Farrugia Cann ilu referee tal-FIFA mill-2016, bir-referees l-oħra jkunu Alan Mario Sant, Fyodor Zammit u Matthew Degabriele.  L-aħħar impenn internazzjonali tiegħu kien ix-xahar li għadda fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena.