Lokali

Żgħażagħ jeħilsuha ħafif f’inċident fil-Gżira

Żewġ żgħażagħ ħelsuha ħafif mingħajr ġrieħi f’inċident li seħħ il-Ħadd filgħaxija, għall-ħabta tal-għaxra, quddiem id-daħla lejn Manoel Island, fil-Gżira.

Jirriżulta li żewġ vetturi, Ford Focus u BMW 320 kienu qed jinstaqu fl-istess direzzjoni meta din tal-aħħar baqgħet dieħla fil-Ford, misjuqa minn raġel ta’ 51 sena residenti Ħ’Attard.

Fil-BMW kien hemm żagħżugħ ta’ 20 sena residenti Santa Venera, li kien qed isuq, akkumpanjat minn tfajla ta’ 18-il sena residenti Ħaż-Żebbuġ. Għalkemm fortunatament dawn ma sofrewx ġrieħi, il-vettura kellha ħsarat konsiderevoli.

Fil-post kellha tintbagħat preżenza tal-Pulizija minħabba li sewwieqa oħra kellhom jimmanuvraw madwar il-vetturi affettwati biex jgħaddu. Intbagħtu wkoll uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili biex ineħħu ż-żejt li ħareġ mill-BMW.