Futbol Sport

Alexis Sanchez isib ix-xibka f’rebħa kbira taċ-Ċili

(Ritratt: EPA)

Bidu pożittiv ukoll għaċ-Ċili li wara r-rebħa tal-Urugwaj kontra l-Ekwador, kisbet ukoll rebħa ta’ 4-0 iżda kontra l-Ġappun. Ir-rebbieħa tal-aħħar żewġ edizzjonijiet marru fil-vantaġġ lejn tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Erick Pulgar u wara li rduppjaw fil-bidu tat-tieni taqsima, għalqu l-logħba fl-aħħar għaxar minuti. Eduardo Vargas kompla l-konsistenza tiegħu meta skorja fir-raba’ tournament maġġuri b’mod konsekuttiv filwaqt li Alexis Sanchez skorja l-ewwel gowl tiegħu f’ħames xhur fi staġun diffiċli għalih.

Erick Pulgar fetaħ l-iskor fil-41 minuta b’daqqa ta’ ras b’saħħitha u Vargas irdoppja fl-54 minuta meta skorja b’xutt li kien imxellef. Sanchez għalaq il-logħba fit-82 minuta meta tar minn tulu biex skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin u minuta wara, l-istess Sanchez qassam lil Vargas li reġa’ skorja wara li qabbeż tajjeb fuq Keisuke Osako. B’dan il-gowl hu sar l-aqwa skorer taċ-Ċili fil-Copa America bi 12-il gowl u qabeż lil Marcelo Salas bħala t-tieni l-aqwa skorer ta’ pajjiżu wara Sanchez.

Wara l-logħba, Sanchez qal li għal sitt ġimgħat ħassu agħar minn qatt qabel u wara li sabha diffiċli fl-ewwel taqsima, fit-tieni 45 minuta ħassu aktar rilassat u lagħab b’aktar libertà. Minkejja li mhux ikkunsidrati bħala favoriti li jirbħu din l-edizzjoni minħabba li ma kkwalifikawx għat-Tazza tad-Dinja tas-sena l-oħra, Sanchez jemmen li issa qegħdin fit-triq it-tajba. Hu jemmen li mill-2015 tjiebu fid-difiża u qed jattakkaw aktar malajr.

Il-Ġappun flimkien mal-Qatar huma mistiedna speċjali ta’ din l-edizzjoni. Huma għandhom skwadra żagħżugħa u jidher li qed jużaw dan it-tournament biex jippreparaw għall-Olimpjadi li se jsiru f’pajjiżhom is-sena d-dieħla.