Ġimgħa wara li ħabbar li se jikkontesta għal President tal-MFA, il-kandidat Bjorn Vassallo nieda uffiċjalment il-kampanja tiegħu bit-tema Forward Together Vision 2027 fil-Matthew Micallef St. John Stadium fil-Marsa. Vassallo għandu erba’ pilastri strateġiċi li fuqhom irid jgħolli l-livell tal-futbol f’pajjiżna. Dawn huma governanza aħjar, infrastruttura li tiġi żviluppata u tkun aċċessibbli għal kulħadd, żvilupp mis-settur taż-żgħażagħ sal-aqwa plejers lokali u l-kompetittività.
Parti importanti mill-viżjoni tiegħu hi l-infrastruttura. Hu żvela ħsieb li sal-2021 jinbena Technical Centre li jiffunzjona f’aktar minn aspett wieħed. Dan ikun jinkludi żewġ hubs reġjonali għat-taħriġ biex jiġu żviluppati ż-żgħażagħ, jitlesta stadium reġjonali ġdid fin-nofsinhar ta’ Malta għal aktar aċċess tal-futbol, kif ukoll jiġi żviluppat il-grawnd ta’ Sannat bħala stadium sekondarju għal Għawdex.
Fażi oħra tal-iżvilupp fl-infrastruttura hu li sal-2025 issir żvilupp tal-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali fosthom arena tal-futsal, ċentru tan-negozju u stabbilimenti tad-divertiment u tal-ikel.
Vassallo qal li jekk ikun President tal-MFA jirriżenja mill-kariga attwali ta’ Direttur tal-FIFA filwaqt li saħaq li l-President attwali Norman Darmanin Demajo mhux se jkollu xi tip ta’ kariga jekk ikun elett Vassallo fl-20 ta’ Lulju.
Malta fix-xena internazzjonali
Bjorn Vassallo tkellem ukoll dwar il-parteċipazzjoni Maltija fix-xena internazzjonali. Idea ta’ Vassallo hi jiġi diskuss il-ħolqien ta’ tim professjonali u tim taż-żgħażagħ li jkun magħmul minn plejers Maltin biex jipparteċipa f’kampjonat professjonali barrani.
Hu ta eżempju bit-tim minn Liechtenstein Vaduż li jilgħab fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Żvizzeru u timijiet minn Wales li jilagħbu fl-Ingilterra. Vassallo qal li din il-proposta għandha tgħolli l-livell tat-tim nazzjonali filwaqt li tagħti opportunità lill-aqwa plejers Maltin li jkollhom aktar esperjenza internazzjonali.
Idea oħra ta’ Vassallo hi li tinħoloq filosofija tal-logħba għat-timijiet nazzjonali kollha filwaqt li hemm ħsieb li tkun organizzata Tazza tad-Dinja taż-żgħażagħ tal-FIFA jew fażi finali ta’ Kampjonat Ewropew taż-żgħażagħ tal-UEFA.
Temi oħra li spikkaw
Fis-settur taż-żgħażagħ u l-grassroots, Bjorn Vassallo għandu pjan li joħloq fondazzjoni Inħobb il-Football u jorganizza ż-żgħażagħ u l-grassroots b’kollaborazzjoni mal-istrateġija tal-assoċjazzjoni għal Youth Football. F’dan is-settur, Vassallo jrid jinvesti fi programm tal-kowċing u fl-akkademji tal-klabb, kif ukoll tingħata ħarsa lejn is-sistema tal-liċenzji tan-nurseries.
Fil-futsal u l-beach soccer, Vassallo jrid joħloq strateġija sal-2020 dwar dan iż-żewġ sport kif ukoll irid joħloq tim nazzjonali tal-irġiel ta’ taħt id-19-il sena sal-2021.
Fis-settur tar-referees, fost l-ideat Bjorn Vassallo għandu l-ħsieb li jassigura minimu ta’ 150 referee reġistrat kull sena minn Ġunju tal-2021, iqajjem l-appuntamenti internazzjonali u l-bdil tar-referees filwaqt li jassigura garanzija minima finanzjarja għall-uffiċjali Elite.
//= $special ?>