Lokali Lottu u Super 5

“Is-sitwazzjoni f’livell intollerabbli” – MHRA

Il-President tal-MHRA Tony Zahra

Hekk hija intitolata stqarrija tal-Assoċċjazzjoni Maltja tal-Lukandi u r-Ristoranti. fejn talbet lill-Gvern jara li tkun osservata bla eċċezzjonijiet ir-regola li ma jsirx xogħol ta’ twaqqigħ u skavar bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru.

L-istqarrija tgħid li l-MHRA tapprezza l-isforzi li qed isiru mill-awtoritajiet li qed jiġu mminati b’xogħlijiet li qed isiru b’mod irresponsabbli u fil-biċċa l-kbira tagħhom illegalment.

Il-President tal-MHRA, Tony Zahra stqarr li “is-sitwazzjoni issa waslet f’livelli intollerabbli u qed issir ħsara kbira lis-settur tat-turiżmu. Settur ekonomiku importanti u li għaldaqstant qed iħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin,

Zahra qali li l-MHRA qed ta’ kuljum tirċievi telefonati minn membri inkwetati dwar l-istat li jinsab fih l-ambjent. Każ tipiku hu x-xogħolijet li baqgħu għaddejjin ilbieraħ fil-pjazza ta’ Buġibba.

Il-President tal-Assoċċjazzjoni temm jgħid li qegħdin b’mod mgħaġġel insiru destinazzjoni li tispeċċjalizza f’esperjenza ta’ sit ta’ kostruzzjoni għat-turisti li qed iżuruna, u li jekk l-implikazzjonijiet ta’ din is-sitwazzjoni serja ma jingħatawx attenzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, mela allura ser inkunu qed niffaċċjaw problemi serji li mbagħad ikunu diffiċċli ferm biex jitreġġgħu lura.

Zahra jtemm l-istqarrija bil-kliem “Issa daqshekk”.