Lokali

Fadal is-snin biex jitranġa l-Isptar Monte Karmeli

Wara sitt snin fil-Gvern, hemm bżonn ftit anqas minn ħames snin oħra biex l-Isptar Monte Karmeli jitranġa mill-istat prekarju li jinsab fih.

Kien Chris Fearne innifsu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, li ammetta ma’ NET News li l-pjan għar-ristruttrar tal-Isptar Monte Karmeli beda f’Ottubru li għadda … ħames snin u nofs wara li l-Partit Laburista rebaħ il-Gvern fl-2013.(

Il-Gvern Laburista kellu jieħu l-passi meħtieġa wara l-kritika li rċieva fl-aħħar snin minn setturi differenti tas-soċjetà, fosthom l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija.

Din l-Assoċjazzjoni kkritika l-fatt li fl-aħħar snin, l-Isptar Monte Karmeli tħalla jiddeterjora sal-punt li issa, madwar 75 fil-mija tal-binja għandha strutturi temporanji tal-metall li qed iżommu lis-soqfa milli jċedu.

Barra minhekk, partijiet oħra tal-Isptar Monte Karmeli kellhom jingħalqu minħabba biża’ ta’ ċediment, bil-pazjenti spiċċaw intefgħu mrassa fi swali oħra.

Sadanittant, mistoqsi minn The Times of Malta, il-Ministru Fearne ikkonferma li l-Gvern se jkun qed jibgħat 130 pazjent tal-Isptar Monte Karmeli lejn istituzzjonijiet privati.

Kien il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Mentali Mario Galea li ressaq ilment uffiċjali għand l-Ombudsman dwar is-Saħħa Charles Messina biex jinvestiga din ir-rilokazzjoni.

Dan hekk kif hu xjentifikament ippruvat li meta l-anzjani jiġu sfurzati jirrilokaw, tiżdied l-inċidenza tal-konfużjoni, id-dillirju, il-fissazzjoni u l-mewt, l-aktar fost dawk li jbatu mid-dimensja, fost l-oħrajn.