Futbol Sport

Franza tirbaħ kontra l-Ingilterra b’rimonta lejn it-tmiem

(Ritratt: EPA)

Żewġ gowls fl-aħħar minuti taw rebħa importanti lit-tim Franċiż meta għelbu lill-Ingilterra 2-1. L-Ingliżi kellhom żewġ opportunitajiet tad-deheb li jiftħu l-iskor iżda fil-25 minuta Franza ngħatat penalty meta l-ballun ħabat ma’ id Jake Clarke-Salter fil-kaxxa. Inkariga ruħu Moussa Dembele li kellu x-xutt imblokkat minn Dean Henderson.

L-Ingilterra fetħet l-iskor fl-54 minuta b’azzjoni personali mill-isbaħ ta’ Phil Foden iżda kellha tkompli l-logħba b’raġel anqas fit-62 minuta wara li tkeċċa Hamza Choudhury. Erba’ minuti wara Franza ngħatat it-tieni penalty għal fawl fuq Jonathan Bamba. Din id-darba nkariga ruħu Houssem Aouar li ra x-xutt jaħbat mal-wieqfa.

Franza ġabet id-draw fid-89 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Jonathan Ikone biex fil-95 minuta skorjat il-gowl tar-rebħa meta Aaron Wan Bissaka antiċipa lil Henderson u spiċċa biex tefa’ fix-xibka tiegħu stess minn azzjoni ta’ korner.

Fil-logħba l-oħra, ir-Rumanija kisbet rebħa kbira wara li għelbet lill-Kroazja 4-1. Ir-Rumeni kellhom bżonn 11-il minuta biex jiftħu l-iskor meta ngħataw penalty li kien konfermat bil-VAR wara li l-ballun ħabat ma’ id id-difensur Filip Benkovic fil-kaxxa. Mill-11-il metru George Puscas ma żbaljax.

L-iskor sar 2-0 tliet minuti wara meta Puscas antiċipa bir-ras lil Josip Posavec u wara li l-ballun kien imbiegħed parzjalment minn fuq il-linja, daħal Ianis Hagi li skorja minn qagħda ideali. Il-Kroazja daħlet fil-logħba fit-18-il minuta b’xutt b’saħħtu fil-baxx ta’ Nikola Vlasic. Tudor Baluta għamel l-iskor 3-1 fis-66 minuta meta ħa vantaġġ minn żball difensiv u b’azzjoni personali għeleb lil Ionut Radu. Adrian Petre ssiġilla r-rebħa fid-90 minuta b’gowl mill-viċin wara kross mil-lemin.