Futbol Sport

Gżira United kontra Hajduk Split fl-ewwel rawnd tal-UEFA Europa League

(Ritratt: EPA)
Avversarji mill-Belarus u s-Slovenja għal Hibernians u Balzan

Gżira United għandhom probabbilment l-itqal konfront mit-tliet timijiet Maltin hekk kif telgħu biex jilagħbu kontra l-Kroati Hajduk Split. Din mhux se tkun l-ewwel esperjenza ta’ Hajduk Split f’pajjiżna hekk kif fl-istaġun 1975/76 kienu lagħbu fl-ewwel rawnd tat-Tazza Champions kontra Floriana fejn kienu rebħu ż-żewġ logħbiet 3-0 u 5-0.

Seba’ staġuni wara telgħu fl-ewwel rawnd tat-Tazza UEFA kontra Żurrieq u wkoll ħarġu rebbieħa fiż-żewġ logħbiet bl-iskor ta’ 4-0 u 4-1. L-aħħar logħbiet kontra avversarju ntlagħbu fl-istaġun 2008/09 fl-ewwel rawnd tat-Tazza UEFA u kienu għelbu lil Birkirkara 4-0 u 3-0. Hajduk Split rebħu sitt darbiet il-kampjonat Kroat u t-Tazza tal-Kroazja, bl-aħħar kampjonat jintrebaħ fl-istaġun 2004/05.

Balzan qed jikkompetu fl-Europa League għal ħames staġun konsekuttiv u f’dan l-istaġun telgħu kontra Domzale. It-tim Sloven fl-aħħar ħames staġuni dejjem spiċċaw mal-ewwel erbgħa fil-kampjonat Sloven u l-impenn kontra Balzan se jkun l-ewwel wieħed f’pajjiżna.

Hibernians li qed jirritornaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej wara nuqqas ta’ staġun, għandhom avversarju mill-Belarus. Din se tkun it-tieni darba li Hibernians se jaffrontaw avversarju mill-Belarus. Fl-istaġun 1994/95, Hibernians kienu lagħbu kontra FC Dinamo Minsk u kienu eliminati b’aggregate ta’ 6-5 wara telfa ta’ 3-1 u rebħa ta’ 4-3 fil-ħin barrani.

Shakhtyor Soligorsk ukoll kienu konsistenti fil-kampjonat tal-Belarus u fl-aħħar seba’ staġun spiċċaw ħames darbiet it-tieni u darbtejn fit-tielet post. Għalihom ukoll dan se jkun l-ewwel darba li se jilagħbu kontra avversarju Malti.