Lokali

Il-bdoti jiltaqgħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tagħhom

It-Tlieta filgħodu saret laqgħa fejn bdoti tal-Air Malta ddiskutew il-futur tagħhom fid-dawl tal-introduzzjoni tal-linja tal-ajru l-ġdida Malta Air.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar li Ryanair kienet qed tixtri l-kumpanija Malta Air u kienet se tkun qed tuża din il-linja biex toffri servizz low-cost minn pajjiżna għal 61 rotta differenti.

Iżda qabel ma ġie mħabbar das-servizz ġdid, ħaddiema tal-Air Malta kienu għal kollox fl-għama dwar dak li kien qed jagħmel minn wara darhom il-Ministru tat-Turizmu.

Malta Air se tkun qed toffri servizz li se jkun qed jikkompeti ma’ dak li toffri l-linja nazzjonali tagħna, l-Air Malta. Xi ħaġa li naturalment nisslet tħassib kbir għall-ħaddiema tal-linja nazzjonali.

Konrad Mizzi ħabbar li l-Gvern kien se jkun sieħeb strateġigku b’share wieħed biss, f’din il-linja. Dan ukoll huwa fatt stramb, kif stqtarru esperti fis-settur, li qalu li ma setgħux jifhmu l-iskop ta’ din il-partnership.

L-istess esperti stqarru li dan id-deal huwa wieħed favorevoli għall-aħħar għal Ryanair, iżda ma setgħux jifhmu kif inhi favorevoli għall-Gvren jew għal pajjiżna, u dan minkejja li l-Gvern meta nieda s-servizz, irrefera għal Golden Share

Mhux magħruf x’kien l-eżitu tal-laqgħa tal-bdoti iżda li hu magħruf hu li l-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru tħallew fl-għama dwar dak li se jkun il-futur tal-post tax-xogħol tagħhom. Dan meta huma jisabu mħassba dwar l-impatt neġattiv li probabbli se tħalli l-Malta Air fuq l-Air Malta meta ż-żewġ linji tal-ajru se jkun qed joperaw minn u lejn l-istess destinazzjonijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom.