Tibda uffiċjalment il-ħidma għall-464 Kunsillier Lokali ta’ madwar Malta u Għawdex, li kienu eletti fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li għadda.
Għall-ewwel darba, l-elezzjonijiet tal-pajjiż kollu sar f’salt wara li l-Gvern kien abbina dawn l-elezzjonijiet mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. B’hekk, dawk eletti issa għandhom mandat ta’ ħames snin.
Il-ġabra tal-elezzjonijiet lokali f’salt ħolqot problemi loġistiċi kbar, tant li l-Kummissjoni Elettorali kienet iddeċidiet li l-proċessi tal-għadd tal-voti jitqassmu fuq tliet nofs ta’ nhari.
Matul il-proċess, kienu eletti wkoll għadd ta’ Sindki ġodda – sebgħa minnhom f’isem il-Partit Nazzjonalista: Dorian Sciberras fl-Iklin, Kevin Cuachi f’Għajnsielem, Anthony Dalli f’Ħal Lija, Albert Buttigieg f’San Ġiljan, Helen Gauci fil-Għargħur, Josef Schembri fir-Rabat Għawdex u Damian Spiteri fil-Munxar.
Min-naħa l-oħra, persuna prominenti fil-kamp Laburista, Natius Farrugia, m’għadux Sindku fiż-Żurrieq.
Sadanittant, għall-ewwel darba u wara proposta li oriġinat mill-Partit Nazzjonalista, f’dawn l-elezzjonijiet setgħu jivvutaw ukoll iż-żgħażagħ li għalqu s-16-il sena. Dan wassal ukoll biex ikunu eletti xi żgħażagħ ta’ din l-età, fosthom Abraham Aquilina f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Għargħur – l-iżgħar Kunsillier elett, ta’ 16-il sena.
Anomalija fil-Liġi, kif introdotta mill-Gvern, wasslet biex madankollu, Abraham ma jistax isir Sindku minkejja li kien l-aktar li ġab voti mill-Partit li rebaħ l-aktar siġġijiet fil-lokalità. Madankollu, il-Liġi tgħid li, għalkemm żgħażagħ ta’ 16-il sena jistgħu jivvotaw u jikkandidaw ruħhom, huma ma jistgħu isiru Sindki.
//= $special ?>