Sport Waterpolo

Jispikka llum id-dwell bejn Birżebbuġa u Marsaskala … Sirens jilagħbu kontra Otters

(Ritratt: Trevor Sollars)

Illum fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq jitkompla r-rawnd preliminari tal-kampjonat tas-sajf b’logħba minn kull grupp. L-aktar logħba mistennija hi dik minn Grupp A bejn Birżebbuġa Freeport u Marsaskala Fish and Fish. Iż-żewġ timijiet ġejjin minn telfa kontra avversarji aktar kwotati. Marsaskala kienu megħluba 18-11 kontra San Ġiljan f’logħba li sal-mistrieħ kienu 11-1 u wara li l-kowċ Ġiljaniż għamel rotazzjoni kbira fl-iskwadra, Marsaskala għamlu l-iskor rispettabbli.

Birżebbuġa kellhom prestazzjoni sodisfaċenti kontra Sliema f’telfa ta’ 18-13. Kien fit-tielet sessjoni li Sliema assiguraw mir-rebħa wara li Birżebbuġa kienu anki minn fuq fl-ewwe sessjoni. Fl-aħħar sessjoni ħadu l-opportunità biex naqqsu d-distakk. Għal Birżebbuġa spikka Antonio Petkovic li skorja sitt gowls filwaqt li Balint Lorincz kellu logħba kwieta. Għal Marsaskala Kristijan Milakovic u Konstantin Averka skorjaw tmien gowls bejniethom fl-aħħar logħba.

Fil-logħba l-oħra, Sirens Greentube huma mistennija li jegħlbu lil Otters Nivea. Fl-ewwel ħarġa tagħhom, Sirens rebħu 20-13 kontra Marsaxlokk b’Christian Presciutti jkollu ritorn tajjeb b’erba’ gowls filwaqt li t-Taljan l-ieħor Valentino Gallo għamel id-debutt b’ħames gowls. Otters kellhom partita diffiċli kontra ċ-champions Neptunes u ħarġu telliefa 22-12. Għat-tim ta’ Anthony Farrugia għamlu d-debutt il-barranin Ferenc Salamon u Milos Filipovic li bejniethom skorjaw seba’ gowls fl-ewwel ħarġa tagħhom.

Logħob li jmiss

Grupp A – Illum: Birżebbuġa v Marsaskala 7.30pm,Għada: Sliema v Exiles 6.45pm

Grupp B – Illum: Sirens v Otters 6.15pm,Għada: Marsaxlokk v Valletta 5.30pm, Neptunes v Ta’ Xbiex 8.00pm