Lokali Temp

L-iktar Mejju bix-xita sa mill-1951

In-nixfa t’April ta’ din is-sena donnu patta għaliha x-xahar ta’ Mejju li għadu kemm għadda, xahar li ħasad il-Gżejjer Maltin b’tixriba ta’ 7.2mm ta’ xita fit-tielet jum tax-xahar.

Waqt li dan kien l-iktar jum bix-xita għax-xahar, b’kollox tkejlu 19.2mm ta’ xita matul Mejju, li huwa d-doppju tat-8.5mm ta’ xita mistennija f’dan iż-żmien tas-sena, qalet stqarrija li ħarġet mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta.

Mejju kien xahar bir-riħ u maltempati f’xi waqtiet, hekk kif buffuri tar-riħ mix-xlokk laħqu saħħa ta’ 48 knots fir-raba’ jum tax-xahar, xahar li fih ukoll ġew irreġistrati sitt maltempati bir-ragħad.

Normalment, maltempata waħda biss bir-ragħad tkun mistennija f’Mejju, b’hekk Mejju ta’ din is-sena qabeż in-norma klimatika biex sar l-iktar Mejju tempestuż li qatt kelna fil-gżejjer Maltin sa mill-1951.

Din l-istqarrija kompliet tgħid li t-temp imxarrab matul it-tielet ġimgħa ta’ Mejju wassal għall-iżvilupp ta’ sħab f’forma ta’ lembut, li għattew il-Ġżejjer fl-14 tax-xahar. Il-kopertura tas-sħab medja għax-xahar kienet ta’ 3.7 oktas biex b’hekk kienet kemxejn ogħla min-norma klimatika ta’ 3.1 oktas.

Madanakollu, bħal kif jgħidu, wara l-maltemp jiġi l-bnazzi hekk kif xemx tisreġ dawlet Malta u Għawdex malli għaddew il-jiem tal-maltemp. Tant hu hekk, li nhar is-17 ta’ Mejju, fl-iktar jum imdawwal tax-xahar, ix-xemx iddiet għal 12.9 sigħat.

Minkejja l-fatt li f’Mejju b’kollox ġew irreġistrati 289.7 sigħat ta’ xemx, jiġifieri 10 sigħat inqas min-norma ta’ 299.1 siegħa, xorta waħda gawdejna medja ta’ 9.3 sigħat ta’ xemx kuljum.

Filwaqt li l-bidu ta’ Mejju kien iktar frisk mis-soltu, hekk kif it-temperaturi tal-ajru niżlu sa 10.1°C fit-8 tax-xahar, ix-xemx matul ix-xahar wasslet biex it-temperaturi laħqu massimu ta’ 26.7°C nhar id-29 ta’ Mejju.

It-temperatura medja tal-ajru laħqet 18.3°C, jiġifieri kienet grad u nofs iktar baxxa min-norma klimatika ta’ 19.8°C. It-temperatura medja tal-baħar ukoll kienet kemxejn ikseħ min-norma klimatika, hekk kif niżlet minn 18.0°C għal 17.9°C, temmet tgħid din l-istqarrija.