Futbol Sport

L-Italja titlef iżda tirbaħ xorta Grupp Ċ

(Ritratt: EPA)

Is-sitt darbiet Plejer tas-Sena Marta skorja is-17-il gowl fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja meta skorjat il-gowl rebbieħ li bih il-Brażil għelbet lit-tim Taljan 1-0, bit-Taljani xorta joħorġu rebbieħa tal-grupp minħabba differenza tal-gowls.

L-Italja li kienet diġà kkwalifikat marret darbtejn viċin permezz ta’ Barbara Bonansea fl-ewwel taqsima iżda wara l-mistrieħ naqsu li jkunu perikolużi. Wara li l-Brażil laqtet il-mimduda bi free-kick ta’ Andressinha, skorjat il-gowl tar-rebħa fl-74 minuta meta Debinha twaqqgħet fil-kaxxa minn Elena Linari, b’Marta tiskorja l-penalty b’xutt fil-baxx.

Il-Brażil jidher li se taffronta lill-organizzaturi fir-rawnd li jmiss il-Ħadd li ġej f’Le Havre filwaqt li l-Italja se tilgħab kontra tim li jispiċċa fit-tielet post fil-grupp, bl-avversarju probabbli li jkun in-Niġerja jew iċ-Ċina.

L-Awstralja spiċċat it-tieni fi Grupp Ċ wara rebħa ta’ 4-1 kontra l-Ġamajka u qabżet lill-Brażil b’differenza ta’ gowls aħjar. Spikkat għalihom Samantha Kerr li skorjat l-erba’ gowls. Hi fetħet l-iskor wara 11-il minuta b’daqqa ta’ ras mill-kaxxa l-kbira biex irduppjat fit-42 minuta b’daqqa ta’ ras oħra iżda mill-kaxxa ż-żgħira.

Havana Solaun daħlet lit-tim Ġamajkan fil-logħba fid-49 minuta wara li evitat id-daħla tal-gowlkiper u skorjat b’xutt fil-baxx, iżda Kerr għalqet il-logħba għoxrin minuta wara meta skorjat b’opportuniżmu. L-istess plejer skorjat ir-raba’ gowl personali wara li ħadet vantaġġ minn żball tal-gowlkiper.