Internazzjonali Unjoni Ewropea

ĠERMANJA: Taxxa tat-triq ‘diskriminatorja’ mal-barranin

L-Ogħla Qorti tal-UE ddikjarat li taxxa tat-triq li kellha tkun implimentata fil-Ġermanja hi diskriminatorja mas-sewwieqa barranin, minbarra li tmur kontra l-liġi tal-Unjoni. Il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja, intant, appoġġjat l-isfida tal-Awstrija fir-rigward tat-taxxa, bl-argument li l-piż ekonomiku mit-taxxa ‘għall-karozzi’ kellu jaqa’ kollu kemm hu fuq sewwieqa ta’ pajjiżi oħrajn tal-Unjoni aktar minn dawk Ġermaniżi.

Il-verdett tal-qorti jfisser li l-Ġermanja ma tistax tintroduċi t-taxxa li kien intiż biex jidħol fis-seħħ minn Ottubru tal-2020. Dan meta l-Ġermanja, fl-2015, kienet għaddiet liġi għall-implimentazzjoni tat-taxxa għall-karozzi komuni li jużaw il-highways tagħha.

Il-pjan kien biex is-sidien tal-karozzi reġistrati l-Ġermanja jħallsu somma annwali b’massimu ta’ 130 ewro fis-sena, iżda, fl-istess ħin, kien intiż li dawn is-sidien igawdu wkoll minn tnaqqis korrispondenti fuq it-taxxa tal-vettura.

Is-sewwieqa ta’ pajjiżi oħra wkoll, f’dan il-każ, kienu se jeħtieġu l-passes biex isuqu fit-toroq tal-Ġermanja u fejn f’dan il-każ kien ikollhom iħallsu wkoll massimu ta’ 130 ewro fis-sena.