Sport Waterpolo

Rimonta fl-aħħar sessjoni tippremja lil Birżebbuġa

B’BUĠA FREEPORT…………….. 18 M’SKALA FISH AND FISH…….. 17

(4-5), (3-3), (4-5), (7-4)

F’dik li titqies l-ewwel logħba bilanċjata tal-kampjonat, Birżebbuġa Freeport irnexxielhom joħorġu mil-logħba bit-tliet punti wara li rkupraw minn bidu kajman. Huma wettqu rimonta tajjeb fl-aħħar sessjoni b’Antonio Petkovic strumentali bi tripletta f’mumenti deċiżivi. Wieħed ma jistax ma jirrimarkax il-fatt li ż-żewġ difiżi ma kinux fl-aħjar ġurnata.

Marsaskala kienu aktar kompatti fl-ewwel minuti tal-logħba u meritatament kellhom vantaġġ ta’ 4-1 b’doppjetti tal-barranin Kristijan Milakovic u Konstantin Averka. Iżda Birżebbuġa rranġaw u rnexxielhom iġibu d-draw b’doppjetta ta’ Balint Lorincz u David Cutajar, sakemm Daniel Borg Millo ħalla lil Marsaskala minn fuq fi tmiem l-ewwel sessjoni.

Birżebbuġa saħansitra rnexxielhom idawru l-iskor fit-tieni sessjoni meta marru 7-6 minn fuq b’żewġ gowls ta’ Mattias Ortoleva u Balint Lorincz. Dan sakemm doppjetta ta’ Milakovic ħalliet lil Marsaskala b’gowl vantaġġ.

Għal tliet darbiet wara xulxin, Birżebbuġa wieġbu wara gowl tal-avversarji, iżda gowls minn Averka u Malcolm Manara taw vantaġġ tripplu lil Marsaskala sakemm Petkovic qabbeż tajjeb fuq Micallef u naqqas id-distakk.

Ħafna ħasbu li l-gowl ta’ Averka seta’ fisser il-bidu tat-tmiem għal Birżebbuġa, iżda t-tim ta’ Pierre Borg wettaq reazzjoni mill-aqwa u skorja erba’ gowls konsekuttivi għal vantaġġ ta’ 15-14. Il-logħba baqgħet miftuħa sal-aħħar, bil-gowlkiper Daniel Spiteri jsalva r-riżultat fl-aħħar xutt tal-logħba.

Birżebbuġa: D. Spiteri, M. Borg, N. Cassar (2), D. Pace Lupi, C. Mifsud (1), A. Petkovic (6), S. Vassallo, D. Cutajar (1), J. Bajada (2), M. Cutajar, B. Lorincz (4), M. Ortoleva (2), J. Cremona

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli, M. Manara (1), M. Aquilina, L. Grixti, K. Navarro (2), K. Milakovic (6), K. Averka (6), J. Culic (1), R. Attard, D. Borg Millo (1), M. Borg, L. Felice, J. Ciantar

Referees: Peter Balzan, Andrea Barletta

Faċli għal Sirens

SIRENS GREENTUBE………. 21 OTTERS NIVEA……………….. 14

(6-3), (7-2), (4-3), (3-6)

Ebda sorpriża wkoll fit-tieni logħba għal Sirens Greentube li din id-darba għelbu lil Otters Nivea 21-14. Protagonisti assoluti għat-tim ta’ San Pawl il-Baħar, il-koppja Taljana magħmula minn Christian Presciutti u Valentino Gallo li bejniethom skorjaw 15-il gowl. Otters sabuha diffiċli kontra avversarji ferm aħjar minnhom u kien biss lejn it-tmiem li għamlu r-riżultat ftit rispettabbli.

Sirens urew l-intenzjonijiet tagħhom mill-bidu u rebħu l-ewwel sessjoni 6-3 b’żewġ tripletti tat-Taljani Christian Presciutti u Valentino Gallo. Huma aċċertaw mir-rebħa sa nofs it-tieni sessjoni hekk kif kellhom vantaġġ ta’ 10-3 b’doppjetta ta’ Gallo u gowls ta’ Edward Aquilina u Isaiah Riolo.

Fl-aħħar żewġ sessjonijiet, il-logħba ħadet xejra differenti hekk kif wara li Presciutti skorja darbtejn oħra fil-bidu tat-tielet sessjoni, il-kowċ ta’ Sirens żied fir-rotazzjoni u ppermetta lil Otters jidħlu aktar fil-logħba.

Fl-aħħar sessjoni daħal ukoll il-gowlkiper sostitut Gianni Galea Curmi li wkoll salva penalty, filwaqt li kemm Presciutti kif ukoll Gallo straħu fl-aħħar minuti. Otters ħadu vantaġġ u skorjaw erba’ gowls fl-aħħar żewġ minuti u nofs biex għamlu l-iskor ftit rispettabbli, b’Edward Aquilina jiskorja l-aħħar gowl tal-logħba mid-distanza.

Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory, C. Presciutti (8), P. Privitera, M. Grech, G. Melillo, I. Riolo (2), V. Gallo (7), J. Napier, E. Aquilina (3), L. Caruana, M. Sciberras (1), G. Galea Curmi, L. Falzon, G. Farrugia

Otters: M. Xerri, C. Spiteri Debarro, F. Salamon (3), L. Hyzler (1), E. Meli (1), M. Lanzon (1), K. Scicluna, G. Mizzi, A. Mifsud, D. Zahra (3), B. Lanzon, M. Filipovic (5), D. Camilleri, D. Dimech, C. Teuma

Referees: Alex De Raffaele, Massimo Calabrò