Lokali

AĠĠORNATA: “Ma fadalli assolutament xejn” – vittma ta’ traġedja f’siti ta’ kostruzzjoni

Emozzjonati u kważi bla kliem, Raymond, Caroline, Raisa u Anthea li kollha tilfu darhom fl-aħħar ġimgħat kawża tal-kostruzzjoni li kienet qed issir biswit il-propjetà tagħhom, indirizzaw il-folla li nġabret fi protesta organizzata mill-Moviment Graffiti – protesta f’forma ta’ mixja li bdiet minn ħdejn l-Isptar San Luqa.

“Ma fadalli assolutament xejn. Wara 8 ġimgħat għadna ma nafux x’se jiġri” – qalet Caroline li ma tistax tidħol fir-residenza tagħha f’Gwardamanġa.

Indirizzat lill-folla, fost l-oħrajn, Anthea, li ma tistax tidħol f’darha u issa qed tgħix f’post temporanju fejn saħqet li l-ħajja normali tagħha spiċċat. “Trawmatizzati. Tawna post imma għadna taħt xokk. Mhux se nieqfu niġġieldu għall-ġustizzja”, temmet tgħid Anthea.

Ritratt: Martin Agius

Din il-protesta, li saret fl-isfond ta’ sensiela ta’ inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni, intemmet ħdejn l-uffiċċji tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA.

Kien hawnekk li tkellmu Andre Callus u Wayne Flask f’isem il-Moviment Graffiti li qalu li l-valur tas-solidarjetà għandu jiġi qabel il-valur tal-qligħ ta’ flus minn siti ta’ propjetà.

Ritratt: Martin Agius

Fl-intervent tiegħu, Andre Callus talab biex tintrefa’ responsabbiltà u speċifikament għamel 7 talbiet uffiċjali –

  1. Jieqaf il-bullying u l-arroganza fuq ir-residenti mill-iżviluppaturi.
  2. L-awtoritajiet ma jibqgħux joħorġu permessi bl-addoċċ filwaqt li tillimita n-numru ta’ siti ta’ kostruzzjoni fis-sena.
  3. Ħinijiet ta’ bini u skavar ristretti filwaqt li jinżamm numru limitat ta’ toroq u parkeġġi li jittieħdu biex isir spazju għall-kostruzzjoni.
  4. Il-liġijiet jinbidlu minn nies indipendenti.
  5. Tinħoloq liġi li tħares is-saħħa tar-residenti u l-ħaddiema.
  6. Tittieħed responsabbiltà għal dak li ġara fl-aħħar ġimgħat.
  7. Siti ta’ kostruzzjoni jiġu kkontrollati minn persuni indipendenti għal spejjeż tal-kuntrattur biex tinżamm pressjoni.
Ritratt: Martin Agius

Graffiti saħqu li l-ħajja tan-nies għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox, b’aċċenn lejn bosta mwiet li seħħew f’siti ta’ kostruzzjoni fl-aħħar sena u nofs. Kien hawnhekk fejn inżamm mument ta’ silenzju mill-folla.

F’din il-protesta ħadu sehem bosta organizzazzjonijiet fosthom, is-Soċjetà Arkeologa Maltija, il-Bicycle Advocacy Group, Din l-Art Ħelwa, Flimkien Għal Ambjent Ahjar, Friends of the Earth Malta, Futur Ambjent Wieħed, u Repubblika fost l-oħrajn.