Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell li tirrevoka l-permess tal-proġett City Centre ta’ Pembroke, tefgħet taħt il-lenti l-operat tal-Awtorità tal-Ippjanar. Il-Qorti tal-Appell sabet li membru tal-Bord tal-Ippjanar kellu konflitt ta’ interess, għaliex il-kumpanija privata tiegħu kienet involuta fil-bejgħ ta’ propjetà tal-proġett. Il-Gvern ġab attitudni li xejn mhu xejn f’din l-awtorità, b’persuni li ġew appuntati direttament mill-Ministru responsabbli jonqsu li jiddikjaraw kunflitt ta’ interess li jista’ jkollhom.
Din id-deċiżjoni tal-Qorti tal-lum ġabet magħha ammont konsiderevoli ta’ mistoqsijiet dwar l-operat tal-Awtorità tal-Ippjanar, li l-awtorità stess tinsab fid-dmir li twieġeb. Dan fid-dawl ukoll li dakinhar tal-votazzjoni tal-Bord tal-Ippjanar għal dan il-proġett, kienet ittieħdet id-deċiżjoni li membru tal-bord tinġieb Malta b’jet privat biex tkun tista’ tivvota.
Kif diġà ntqal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dakinhar li sar magħruf bid-deċiżjoni li ntefqu €8,590 biex membru tal-Bord tal-Ippjanar tiġi tivvota, issa li l-Qorti stabbilixxiet kif membru ieħor tal-Bord kellu konflitt ta’ interess li ma kienx ġie ddikjarat, qed tinħass il-ħtieġa ta’ investigazzjoni li tkun verament indipendenti, li tistħarreġ l-operat, it-tmexxija u l-infieq fl-Awtorità tal-Ippjanar.
//= $special ?>