Lokali

Binja fl-Imsida dikjarata strutturalment b’saħħitha

It-tħassib li qam fl-aħħar jiem dwar binja li dehret qed isserraħ fuq sett bricks fl-Imsida wassal biex perit għamel aċċess fil-post u żgura li strutturalment hi b’saħħitha.

Filfatt jirriżulta li meta nbniet il-binja, snin ilu, il-kostruzzjoni saret taħt is-superviżjoni ta’ perit kwalifikat u li kien  l-istess perit li ċċertifika mill-ġdid li m’hemm l-ebda periklu għall-istruttura.

Il-kontroversja nqalgħet wara li sit biswit din il-binja twaqqa’, bil-konsegwenza li nkixfet struttura temporanja bil-bricks li tat l-impressjoni li l-binja kollha kienet qed isserraħ biss fuq dawn il-bricks.

Madankollu jirriżula li dan il-bricks tpoġġa hemm biss biex fuqu jserraħ l-iscaffolding waqt li kien qed jingħata l-konkos f’fażi ta’ kostruzzjoni. Malli tlesta dan il-proċess, il-bricks ma setax jitneħħa immedjatament għax ma kienx hemm aċċess għalih. Dan il-bricks issa tneħħa.

Il-fatt li parti mill-binja tidher sospiża fl-ajru, mingħajr appoġġ taħtha, hi għar-raġuni li nbniet b’mod simili għal kif jinbnew il-gallariji, li ma jkollhomx sapport tagħhom iżda xorta waħda jkunu strutturalment b’saħħithom.