Il-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman qed jipproponi li jitwaqqaf one-stop-shop li jkun jista’ jipproċessa l-ilmenti tan-nies rigward kwistjonijiet marbuta mal-kostruzzjoni u l-ambjent – unit li jiġbor id-direttorati kollha tal-infurzar f’diversi entitajiet.
Il-Proposti tal-uffiċċju tal-Ombudsman inħarġu bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa, sabiex ikun hemm miżuri aktar riġidi fejn jidħol bini, twaqqigħ u skavar.
L-uffiċċju tal-Ombudsman insista illi dan il-one-stop-shop għandu jwassal immedjatament l-ilmenti lill-enforcement officer li jkun hemm fil-lokalità, iżomm lill-entitajiet konċernati informati dwar l-istess ilmenti, iżomm arkivju diġitali ċentrali tad-dokumenti kollha li jidħlu għand l-entitajiet tal-Gvern u li dan l-arkivju jkun jixbaħ il-pjattaforma eżistenti tal-Awtorità tal-Ippjanar.
L-istess entità għandha sservi biex jinġabru l-multi li jiġu imposti.
Il-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar qiegħed saħansitra jipproponi anke bidla fl-isem tal-abbozz kif propost mill-Gvern, sabiex jinqara “Regolamenti għas-sigurta’ f’Xogħlijiet ta’ twaqqigħ, tħaffir u kostruzzjoni”.
Il-Kummissarju ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jaħtaf din l-opportunità u jibgħat il-kummenti tiegħu dwar ir-regolamenti proposti sa nhar il-Ġimgħa li ġej.
//= $special ?>