Lokali

F’Għawdex: Malti u żewġ Serbi arrestati fuq traffikar ta’ droga

Il-Pulizija mill-iskwadra ta’ kontra l-vizzju tad-droga stazzjonati f’Għawdex arrestaw lil Malti u żewġ Serbi residenti l-Qbajjar li mistennija jkunu akkużati bi traffikar tad-droga.

L-arrest seħħ ilbieraħ wara nofsinhar, bil-Pulizija ssib madwar 80 gramma droga ssuspettata kokaina lesta għat-traffikar, madwar 200 gramma ssuspettata pjanta tal-kannabis ukoll lesta għat-traffikar, flimkien ma’ ammont ta’ flus kontanti fir-residenza tas-Serbi.

It-tliet persuni qed jinżammu mill-Pulizija sabiex jgħinu fl-investigazzjonijiet filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa Paul Coppini ġie nfurmat bis-sejba u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-Inkjesta Maġisterjali li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet min-naħa tal-Pulizija għadhom għaddejjin.