Parlament

Il-gvern mhux jattwa l-liġijiet li jissalvagwardjaw kontra l-ħasil tal-flus

– Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li hu inutli li l-gvern iressaq liġijiet jew emendi ġodda għal-liġijiet finanzjarji meta l-istess gvern ma jridx jattwa u jimplimenta l-liġijiet li jissalvagwardjaw kontra l-ħasil ta’ flus.

F’diskors fil-parlament Mario de Marco qal li d-dixxiplina fiskali hi fundamentali għaż-żieda fil-fiduċja fis-settur u għalhekk l-Oppożizzjoni hi favur kull emenda li ssaħħaħ il-mod kif il-pajjiż imexxi l-fondi tiegħu. Quddiem l-akbar kriżi ekonomika l-gvern Nazzjonalista ma ddejjaqx jieħu l-aktar deċiżjonijiet iebsa fl-interess tal-mod kif jitmexxa s-settur finanzjarja.

Mario de Marco qal li l-mod kf il-gvern berbaq flus il-flus il-poplu bla kontabbiltà hu bla preċedent fejn rapporti tal-Awditur Ġenerali u fil-media wrew dwar disprezz lejn il-poplu il-gvern jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd.

Hu semma’ l-ftehim dwar it-tliet sptarijiet Maltin fejn il-Kunsill tal-Ewropa kien iddikjara li l-Ministru Konrad Mizzi kien għamel ftehim kontra kull parir, ftehim imdallam u minn taħt u xejn trasparenti ma’ numru ta’ negozjanti diskutibbli mhux magħrufa barranin li għamlu profitt kbar għad-detriment tal-poplu li jħalls it-taxxa.

Il-Kunsill xebbaħ dan il-ftehim ma’ dak li Konrad Mizzi għamel mal-Electrogas għal 18-il sena b’rata ta’ xiri ta’ enerġija mill-poplu ferm ogħla minn dik tas-suq.

Mario de Marco qal li dan kien ftehim li ma segwiex il-proċeduri fejn il-poplu qed iħallas ferm iktar milli suppost għad-dawl u l-ilma. L-Awditur Ġenerali tkellem ukoll dwar nuqqasijiet f’dipartimenti tal-gvern fosthom fuq nuqqas ta’ verifika. Hu semma’ diversi każi ta’ nuqqas ta’ verifiċi li ma setgħux isiru minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni. Hemm ukoll każi ta’ trasferiment ta’ art pubblika għal skopijiet kummerċjali.

Mario de Marco semma’ d-direct orders li taħt dan il-gvern saru l-ordni tal-ġurnata fosthom dak ta’ €274 miljun għall-estenzjoni tad-Dar tal-Anzjani San Vinċenz de Paule fejn kelliem għall-gvern stess ammetta li dan kien żball. Hemm ukoll rapporti dwar il-Gozo Channel li tat €4.5 miljun f’direct orders bejn l-2016 u l-2018 waqt li saru wkoll numru kbir ieħor ta’ direct orders lil entitajiet oħra.

Kien hemm direct order ta’ €880,000 biex jinbidel il-wiring tal-ħabs waqt li f’sitt xhur il-Ministru Owen Bonnici ta record ta’ €280 miljun lil persuna li ħafna minnhom kienu persuni viċin il-PL. Sitt entitajiet li huma taħr ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru taw ukoll direct orders ta’ €5 miljuni f’sena fosthom l-MFSA, l-MCA u ID Malta. Dan filwaqt li tliet ministeri taw €30 miljun f’direct orders f’sentejn.

Mario de Marco kompla li l-persuni responsabbli għal dawn id-direct orders għandhom iwieġbu għal għemilhom, skont dak li kien qal il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna nnfisu. Hu staqsa min refa’ din ir-responsabbiltà fil-ksur sfaċċat tar-regoli bil-ħruġ ta’ miljuni f’direct order meta direct order għandha tkun l-eċċezzjoni u mhux l-ordni tal-ġurnata.

Hu tkellem fuq l-importanza li tinqered il-korruzzjoni u kkwota mir-Rapport Greco li stabilixxa li Malta għandha – fuq il-karta – ammont kbir ta’ regoli iżda l-efettività tagħhom hi mnaqqra minħabba numru kbir ta’ kontroversji li fihom kienu involuti numru ta’ uffiċjali ogħlja tal-Gvern; li huma Konrad Mizzi u Keith Schembri. Mario de Marco kkwota wkoll lill-Ministru Evarist Bartolo li qal li fil-pajjiż hawn liġijiet għall-allat u għall-annimali u qal li l-liġijiet mhux ikunu applikati.

Hu semma’ r-rapport Moneyval li issa ilu tliet xhur u li se jkun diskuss f’sessjoni tal-Moneyval fejn jekk jiġi approvat ikun ta’ ħsara għall-pajjiż. Il-Gvern għandu jgħid x’għamel il-gvern fl-aħħar tliet xhur dwar dan ir-rapport u xi proposti għandu biex il-pajjiż evita l-blacklisting.

Il-BOV tilef ukol il-corrisponding bank li jagħmel transazzjonijiet tad-dollaru Amerikan. Din hi ta’ tħassib kbir għas-settur finanzjaru. Hu ta tħassib li l-pulizija Maltija ma tieħux passi meta għandha fejn tieħu passi u meta l-FIAU ma jkunx mgħamamr kif suppost biex jieħu l-passi kontra l-ħasil ta’ flus.