Lokali

Il-Kap tal-PN u l-Grupp Parlamentari jiddiskutu l-bidliet meħtieġa għat-triq ‘il quddiem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li tpoġġew il-pedamenti sabiex il-bidliet meħtieġa, fosthom bidliet anki radikali, isiru sabiex il-Partit Nazzjonalista iħares ‘il quddiem.

Adrian Delia sostna dan f’kummenti mal-ġurnalisti fi tmiem laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN li damet iktar minn erba’ siegħat u ntemmet fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.

Il-Kap tal-PN iddeskriva l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari bħala waħda kordjali ħafna u tenna li t-tibdil li jrid isir se jsir, inkluż bidliet radikali.

Hu esprima t-tama li wara din il-laqgħa kulħadd iħares ‘il quddiem bħala grupp wieħed biex flimkien titfassal it-triq ‘il quddiem.

Adrian Delia temm il-kumment tiegħu billi qal li l-Grupp Parlamentari “hu wieħed u kull min jitkellem kontra Deputat tal-Grupp Parlamentari tiegħi, ikun qed jitkellem kontra tiegħu u kontra l-Partit Nazzjonalista.