L-Awtorità tal-Ippjanar ġiet imċanfra mill-Qorti tal-Appell li ddikjarat li permess maħruġ lill-Ministru Ian Borg għal swimming pool f’art agrikola kien illegali.
Dan il-permess issa ġie revokat, bil-Ministru Ian Borg u martu li issa jridu jippreżentaw pjani ġodda għal swimming pool f’Wied Liemu, f’Santa Katarina biswit ir-residenza tagħhom.
Il-Qorti tal-Appell, li kienet qed tisma’ kawża li bdiet minn resident Dingli li għandu l-għelieqi fl-inħawi, iddikjarat li mhux permess l-iżvilupp tal-Ministru.
B’din id-deċiżjoni, Noel Ciantar ingħata raġun li l-Awtorità tal-Ippjanar użat policy li mhux suppost tiġi applikata f’żoni rurali. Dan kien it-tieni permess li ħareġ lil Ian Borg, wara li ngħata l-permess li jibni r-residenza tiegħu f’dan il-wied.
Minkejja din id-deċiżjoni, u kif ħabbar hu stess fuq Facebook, il-Ministru xorta waħda se jibqa’ għaddej bix-xogħol biex jiżviluppa l-għalqa, għalkemm mingħajr is-swimming pool.
Fi stqarrija lill-midja, Ciantar jinnota li bid-dikjarazzjoni tiegħu, Ian Borg qed jiddikjara li se jinjora dak li qalet il-Qorti tal-Appell u b’hekk se jkun qed jinjora awtorità pubblika għat-tielet darba. Dan meta jinnota li Borg hu persuna pubblika li suppost jagħti eżempju.
Ir-residenza ġdida ta’ Ian Borg kienet kontroversjali sa minn qabel inbniet, wara li l-qraba tas-sid oriġinali kienu akkużaw lill-Ministru li approfitta mis-saħħa mentali tal-anzjan biex akkwista l-art b’somma miżera.
//= $special ?>