Futbol Sport

Il-VAR iċċaħħad lill-Brażil fi tliet okkażjonijiet

(Ritratt: EPA)
Rebħa tal-Perù fuq il-Bolivja

Il-Brażil kienet frustrata mill-Venezwela fi draw ta’ mingħajr gowls, anki permezz ta’ deċiżjonijiet tal-VAR. Fl-assenza ta’ Neymar, il-Brażiljani dehru mingħajr kreattività fl-attakk. Dan minkejja li kellhom ħafna pusess u għoxrin attentat fil-lasta. Il-Brażil qed tfittex li tirbaħ il-Copa America għall-ewwel darba mill-2007.

Roberto Firmino kien għoddu fetaħ l-iskor fit-38 minuta b’xutt minn qagħda ċentrali iżda l-gowl tħassar minħabba li għamel fawl fil-proċess tal-kross minn Dani Alves. Huma kellhom it-tieni gowl imħassar mas-siegħa logħob wara li Firmino kien offside meta tefa’ l-kross lejn Gabriel Jesus. Fid-89 minuta l-Brażil kellha t-tielet gowl imħassar bil-VAR minħabba li Firmino ġie ġġudikat li xellef il-ballun b’idu fil-proċess li Philippe Coutinho skorja mill-viċin.

F’logħba oħra, l-attakkant Paolo Guerrero spikka fir-rebħa tal-Perù kontra l-Bolivja, tliet punti li tejbu ċ-ċans tagħhom li jikkwalifikaw mill-grupp. Guerrero skorja gowl u serva lil ħaddieħor quddiem attendenza fqira. Il-Bolivja fetħet l-iskor wara 28 minuta meta ngħatat penalty wara konsultazzjoni mal-VAR, bl-attakkant Marcelo Martins skorja fuq in-naħa leminija ta’ Pedro Gallese.

Minkejja s-superjorità li kellhom, il-gowl tal-Perù wasal fil-45 minuta b’passaġġ intelliġenti u vertikali ta’ Christian Cueva li nifed id-difiża avversarja lejn Paolo Guerrero li avvanza, qabeż lill-gowlkiper avversarju u skorja fil-baxx. Huma marru fil-vantaġġ fil-55 minuta meta din id-darba kien Guerrero li bi kross preċiż mix-xellug sab lil Jefferson Farfan li għola tajba u skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin.

Għalkemm kellhom xi okkażjonijiet, ir-reazzjoni tal-Bolivja kienet fqira, bil-Perù tassigura mir-rebħa fis-96 minuta. Is-sostitut Edison Flores qabbeż fuq il-gowlkiper Carlos Lampe minn tarf il-kaxxa wara kontrattakk.