Ġie revokat il-permess ghall-proġett kontroversjali tal-Grupp dB f’Pembroke wara li l-Qorti stabbilixiet illi kien hemm kunflitt ċar ta’ interess minn wieħed mill-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Dan ghaliex Matthew Pace, li kien fil-Bord dakinhar tad-decizjoni, jahdem ma’ kumpanija fis-settur tal-bejgħ tal-proprjetà u kien qed ifittex ukoll li jsib l-investituri u l-bejgħ għal dan il-proġett. Il-Qorti qalet li Pace kellu jirrikuża ruħu milli jipparteċipa fil-Bord fir-rigward ta’ dan l-iżvilupp u ma għamlux.
Dan seħħ f’deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Appell li sar mill-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi flimkien mal-Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Zminijietna – Voice of the Left, Din l-Art Ħelawa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Alison Pullicino, Sonya Tanti, Rita Zammit, Norman Zammit, Mario Sultana, Adrian Grima, Josef Buttiġieġ, Stephanie Buttiġieġ u Arnold Cassola.
Dawn kienu preċentaw rikors kontra l-Awtorita tal-Ippjanar u Silvio Debono għan-nom tal-kumpanija db San Ġorġ Property Limited. Dan kollu wara li fit 28 ta’ Frar li għadda ddeċieda li jilqa’ l-kundizzjonijiet proposti ta’ lukanda ta’ ħames stillel, appartamenti, u parkeġġ f’Paċeville.
Fil-każ ħareġ ukoll li għandha tinbena mina minħabba li l-aċċess għall-proġett imsemmi kien se jkun limitat. Il-mina mhux talli ma kienitx fil-pjan oriġinali ta’ dan l-iżvillupp talli ħareġ ukoll li din se tinbena mill-Gvern. Fil-fatt ħareġ li Infrastructure Malta kienet se tapplika wkoll għal din il-mina, għax qalet li din diġa kienet fil-pjan oriġinali tal-Gvern.
Issa ħareġ li biex wieħed imur għal fejn il-proġett kien maħsub bilforst irid juża’ l-mina. Skont Frederick Azzopardi Kap Eżekuttiv ta’ Infrastrucure Malta, ġie stabilit li minn ġo Pembroke irid ikun hemm żewġ ħruġ, mhux wieħed biss, u dan għax jekk ma jsirx hekk t-traffiku jiġġammja.
Qal li apparti minn hekk, hemm min ikun irid imur north bound u dan jispiċċa jgħaddi minn Triq Sant’ Andrija kollha meta dan jista’ joħroġ minn naħa ta’ fuq. Għalhekk bil-proġett u mingħajru xorta waħda hemm il-ħtieġa ta’ upgrading.
“Issa at this point, la darba għandna l-pjanta, jien se napplika li ssir mina. Issa jekk din eventwalment ma tkunx approvata jew ħaġa oħra, ma ssirx. Xi ħaġa oħra hi li jien lanqas biss se napplika għaliha kif inhi f’dan id-dokument kif qed nuri, imma se nibdilha,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastrucure Malta.
Meta mistoqsi jekk sarx xi tip ta’ konsultazzjoni fuq din il-mina, Frederick Azzopardi qal li offhand ma jafx eżatt jekk il-konsultazzjoni kienitx inkluża, lanqas jaf meta l-ewwel kienet ġiet proposta l-imsemmija mina.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti qalet li l-membru tal-Bord Matthew Pace naqas li jiddikjara l-kunflitt ta’nteress tiegħu fil-proġett billi hu franchisee ta’ Remax Alliance Swieqi, affiljata ma’ Remax Malta. Mill-atti tal-Qorti jidher ċar li Matthew Pace, bħala membru tal-Bord tal-Ippjanar għandu interess attwali u dirett f’aġenzija oħra affiljata li sieħeb fiha hu wkoll.
Ir-rilevanza f’dan l-istadju u li l-Qorti ħadet konsiderazzjoni hi li Pace bħala membru fil-Bord kien f’pożizzjoni li jdaħħal commission minn bejgħ ta’ propjeta’ tramite l-aġenzija tiegħu, liema propjeta’ kienet għadha tifforma parti minn proġett li ma kienx għadu approvat u li l-approvazzjoni tiegħu kienet tiddependi wkoll mill-vot tiegħu fuq il-Bord tal-Awtorita’.
Dan juri li bla ebda dubju li Pace kellu nteress ċar u dirett f’dan l-eżitu tal-vot dwar il-proġett li mill-approvazzjoni tiegħu seta’ potenzjalment ibbenefika finanzjarjament.
Għal dawn il-mottivi, l-Qorti laqgħet it-talba tal-appellanti fejn hija rrimmarkat ukoll fuq l-osservazzjoni tat-Tribunal li hu kompost minn persuni dikjaratament parzjali. Hu minnu li kull każ irid jittieħed skont il-fattispecie tiegħu, pero l-Qorti tenfasiżża li l-ġustizzja tesiġi trasparenza ċara u inekwivoka bejn dak li qed jiġġudika ma’ dak li qed jiġi aġġudikat.
Id-deċiżjoni tal-qorti ġiet deskritta bħala “terremot” mill-avukat Claire Bonello li resqet il-każ. Id-deċizzjoni ngħatat mill-Imħallef Mark Chetcuti. Intant il-Moviment Graffitti permezz ta’ post fuq Facebook qalu li l-permess biex tiġi midfuna Pembroke ġie revokat fil-Qorti wara sfida legali minn Moviment Graffitti u NGOs oħra, Kunsilli Lokali u residenti. Graffitti komplew li issa s-sidien tal-iżvilupp se jkollhom imorru lura biex jimpjanaw mill-bidu nett dan il-progett, ħalli jġibu lura l-paċi f’Pembroke. Ma’ Claire Bonello ħadmu wkoll l-Avukati Malcolm Mifsud, Cedric Mifsud u Ian Vella Galea.
//= $special ?>