Futbol Sport

Jan Busuttil u Andrea Cassar ma’ Floriana

(Ritratt: Trevor Sollars)

Floriana komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom hekk kif ilbieraħ ħabbru l-akkwist ta’ Jan Busuttil mingħand Pietà Hotspurs u laħqu ftehim biex jakkwistaw lill-gowlkiper Andrea Cassar. Busuttil lagħab l-ewwel staġun tiegħu fil-Premier ma’ Pietà Hotspurs u spikka speċjalment fl-ewwel parti tal-istaġun. Hu għamel dan il-pass bl-għan li jkompli jikber fil-logħba tiegħu wara li l-Hotspurs sfaw relegati.

Andrea Cassar se jkun qed jissielet għal postu ma’ Ini Akpan fil-lasta Furjaniża. Għalih kien hemm interess minn diversi timijiet fosthom Hibernians, bit-Team Manager tal-Pawlisti Jesmond Abela żvela waqt Replay Ikompli fuq Net FM li kien laħaq ftehim ma’ klabb ieħor.

Floriana kienu aċċettaw li jagħtu r-release lil Matthew Grech li ried ikun aktar regolari. Huma kellhom anki kuntatti ma’ gowlkipers żgħażagħ li iżda talbu garanzija ta’ logħob minħabba li Akpan hu kkunsidrat bħala l-gowlkiper numru wieħed. Fost il-gowlkipers li kienu f’diskussjonijiet magħhom kien hemm ukoll Matthew Calleja Cremona, li jinsab ukoll f’diskussjonijiet oħra ma’ klabbs tal-Kampjonat Premier.

Andrea Cassar għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier ma’ Ħamrun Spartans u lagħab ukoll ma’ Pembroke Athleta qabel ingħaqad ma’ Tarxien Rainbows fis-sajf tal-2015. Magħhom hu kiseb post regolari u kien importanti biex it-Tarxiniżi baqgħu jilagħbu fil-Kampjonat Premier.

SENGLEA – Tim ieħor li hu fost l-aktar attivi biex issaħaħ l-iskwadra tiegħu hu Senglea Athletic hekk kif jidher li hu viċin ħafna l-akkwist tal-plejer ta’ esperjenza Mano Micallef. Il-plejer ta’ 35 sena akkwista r-release mingħand Pembroke Athleta u għalhekk hu plejer liberu. Tul il-karriera tiegħu lagħab ma’ diversi timijiet fosthom Floriana, Mosta, Ħamrun Spartans, Pembroke Athleta, Naxxar Lions u Qormi fl-istaġun li għadda. Jekk dan it-trasferiment iseħħ, Micallef jerġa’ jingħaqad mal-kowċ Mario Muscat li ħadmu flimkien kemm ma’ Pembroke kif ukoll ma’ Qormi.

GUDJA – Fallew id-diskussjonijiet biex il-midfielder Brażiljan ta’ 36 sena Jackson Lima jġedded il-kuntratt ma’ Gudja United. Jidher li Lima jixtieq jibqa’ f’pajjiżna hekk kif ilu disa’ snin jilgħab fil-futbol Malti. Hu lagħab ma’ Sliema Wanderers u għal diversi snin ma’ Hibernians qabel fl-istaġun li għadda lagħab ma’ Gudja United u kien strumentali biex kisbu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier għall-ewwel darba. Gudja United jinsabu interessati fil-midfielder Anderson de Barros li spiċċalu l-kuntratt li kellu ma’ Tarxien Rainbows. F’pajjiżna l-Brażiljan lagħab ukoll ma’ Balzan.