Futbol Sport

Jikkritikaw il-mod kif kowċis jinħatru mingħajr liċenzja adegwata

Il-Malta Football Coaches Association hi kontra l-kowċis li jinħatru f’karigi mingħajr ma jkollhom il-liċenzja adegwata kif ukoll hi kontra l-kowċis li jħallu l-klabbs jinqdew bil-liċenzja tagħhom. Is-Segretarju tal-assoċjazzjoni Joe Micallef qal li għalxejn isiru l-korsijiet jekk l-MFA tittolera li jsiru dawn l-affarijiet.

L-uffiċjali tal-MFCA qalu li l-għan tagħhom hu li jiddefendu l-interessi tal-membri tagħhom, bil-President tal-MFCA Lolly Aquilina jgħid li l-assoċjazzjoni ma għandha l-ebda saħħa fuq il-klabb iżda jistgħu jimbuttaw u jagħmlu pressjoni fuq kowċ biex ma jaċċettax li jservi lill-kowċ ieħor mingħajr liċenzja kif suppost.

Mill-istaġun 2021/22, il-kowċis kollha fil-Kampjonat Premier irid ikollhom il-liċenzja UEFA Pro. Bħalissa hemm 31 kowċ bil-liċenzja UEFA Pro, 19-il kowċ bil-UEFA A Elite u 81 kowċ bil-UEFA A. B’kollox hemm 829 kowċ b’liċenzja.

L-MFCA hi wkoll kontra r-regola li persuna waħda tista’ tkun bilwieqfa waqt il-logħba għaliex bħalissa hu permess li saħansitra uffiċjal jista’ jagħti l-istruzzjonijiet. Huma favur li r-regola tinbidel li tkun persuna kwalifikata li tagħti l-istruzzjonijiet. L-MFCA tkellmet diversi drabi maċ-Ċentru Tekniku tal-MFA u l-MFA dwar diversi regoli.

L-assoċjazzjoni tal-kowċis tkellmet maż-żewġ kandidati għal President tal-MFA u ntqalu li hemm ħafna klawsoli fl-istatut tal-MFA li jridu jinbidlu iżda għandhom il-kelma li jistgħu jitranġaw. Micallef żied li mal-ħatra ta’ President ġdid, se jkunu qed iżidu l-pressjoni tagħhom biex jitranġaw ir-regoli u ma jippermettux li jitkompla l-abbuż fil-liċenzji.

Aquilina ħabbar li mill-istaġun li ġej se jniedu premju għall-aħjar kowċ f’kull diviżjoni, bil-kowċ rebbieħ irid ikun membru u jrid ikun kwalifikat fid-diviżjoni. Hu kompla li l-kowċis huma rikjesti li jagħmlu tal-anqas ħames CPD’s fis-sena u dawk li jattendu jkunu awtomatikament membri tagħhom.

Lista ta’ kowċis liċenzjati

UEFA Pro            31

UEFA A Elite       19

UEFA A               81

MFA A                 12

UEFA B               162

MFA B                 3

National C     247

YCL                      10

GK Coaches         38

Physical Trainers 39

CYF                     187

Total                   829

Tags