Futbol Sport

L-Iskozja titlef vantaġġ ta’ tliet gowls u tiġi eliminata b’penalty lejn it-tmiem

(Ritratt: EPA)

L-Iskozja sfat eliminata mit-Tazza tad-Dinja meta sofriet il-gowl tad-draw tal-Arġentina b’penalty fil-ħin miżjud. L-Iskoċċiżi riedu rebħa biex jibqgħu b’tama li jikkwalifaw iżda bid-draw ta’ 3-3, huma spiċċaw fil-qiegħ tal-klassifika b’punt filwaqt li l-Arġentina temmet it-tielet u għadha tittama li tikkwalifika.

Kim Little poġġiew lit-tim Skoċċiż minn fuq wara 19-il minuta b’konklużjoni mill-viċin wara li Erin Cuthbert ħadet il-ballun minn save parzjali ta’ Vanina Correa. L-Iskozja rduppjat fid-49 minuta bi kross mix-xellug ta’ Caroline Weir isib lil Jen Beattie li skorjat b’daqqa ta’ ras. It-tielet gowl wasal fid-69 minutab’gowl mill-viċin wara li Correa bl-għajnuna tal-lasta kienet salvat id-daqqa ta’ ras ta’ Leanne Crichton. Sa dak il-ħin l-Iskozja kienet qrib post mal-aħħar 16.

L-Arġentina bdiet tittama ħames minuti wara b’xutt tas-sostitut Milagros Menendez jegħleb lil Lee Alexander. Erba’ minuti wara l-Arġentina skorjat it-tieni gowl b’xutt mid-distanza ta’ Florencia Bonsegundo, f’azzjoni li Alexander setgħet għamlet aħjar.

Fid-90 minuta wara konsultazzjoni mal-VAR, ir-referee Koreana Hyang Ok Ri ordnat penalty għal fawl ta’ Sophie Howard fuq Aldana Cometti. L-ewwel xutt ta’ Florencia Bonsegundo ġie salvat minn Alexander iżda r-referee reġgħet ordnat il-penalty minħabba li Alexander iċċaqalqet qabel il-penalty. Bonsegundo reġgħet ixxuttjat u din id-darba skorjat biex qasmet il-qlub tal-Iskoċċiżi.

L-Ingilterra spiċċat rebbieħa tal-grupp wara rebħa ta’ 2-0 fuq il-Ġappun. B’hekk huma pattew għat-telfa li kienu sofrew fis-semifinali ta’ erba’ snin ilu. Il-kowċ nazzjonali Ingliż Phil Neville għamel xejn anqas minn tmien bidliet mit-tim li rebaħ kontra l-Arġentina.

Iż-żewġ gowls waslu minn Ellen White fl-14 u fl-84 minuta wara li rċeviet żewġ passaġġi intelliġenti. Dawn il-gowls tellgħu t-total tagħha mat-tim nazzjonali Ingliż għal 31 gowl. B’dan ir-riżultat l-Ingliżi għandhom polza aktar favorevoli kontra wieħed mit-timijiet li spiċċaw it-tielet fil-grupp tagħhom.