Wara anqas minn sena fit-tmexxija, intemmet l-esperjenza ta’ Luis Enrique bħala kowċ nazzjonali ta’ Spanja minħabba raġunijiet personali. Enrique kien inħatar kowċ nazzjonali f’Lulju tas-sena l-oħra u kien iffirma kuntratt ta’ sentejn sal-Kampjonat Ewropew tas-sena d-dieħla. L-assistent tiegħu Robert Moreno se jieħu t-tmexxija tat-tim.
Il-problemi ta’ Enrique bdew lura f’Marzu meta kien f’pajjiżna biex imexxi lit-tim Spanjol għal kontra Malta iżda ħalla pajjiżna minħabba problema familjari li dak iż-żmien ġiet dikjarata bħala urġenti mill-Federazzjoni Spanjola.
Il-President tal-Federazzjoni Luis Rubiales qal li kienet deċiżjoni ta’ Enrique nnifsu li ma jibqax fit-tmexxija u minħabba li hi kwistjoni purament personali li ma kinitx dipendenti fuqhom, jaħseb li kienet l-aħjar deċiżjoni.
Moreno kien mexxa lit-tim Spanjol kontra Malta fis-26 ta’ Marzu kif ukoll l-aħħar żewġ impenji ta’ Spanja ftit jiem ilu kontra l-Gżejjer Faroe u l-Iżvezja. Il-kowċ Spanjol qal li jittama li jkompli x-xogħol mibdli minn Luis Enrique.
Moreno fil-passat kien assistent ta’ Enrique kemm ma’ Roma, Celta Vigo kif ukoll ma’ Barcelona u dan se jkun l-ewwel irwol tiegħu fit-tmexxija tal-ewwel tim.