Id-difensur Mats Hummels irritorna ma’ Borussia Dortmund wara tliet snin maċ-champions Ġermaniżi Bayern Munich. Hummels lagħab ma’ Dortmund bejn l-2009 u l-2016 u kien mistenni li jħalli lil Bayern hekk kif kemm il-plejer kif ukoll il-klabb kienu qed jagħtu indikazzjoni li setgħu jisseparaw. Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li t-trasferiment sewa madwar €38 miljun.
Hummels kien parti mit-tim ta’ Borussia Dortmund li rebaħ il-Bundesliga fl-2011 u fl-2012 kif ukoll id-DFB Pokal fl-2012. Fl-2013 ukoll taħt it-tmexxija ta’ Jurgen Klopp, Borussia Dortmund kienu waslu sal-finali tal-UEFA Champions League u kienu tilfu kontra Bayern Munich. Ma’ Bayern Munich, Hummels rebaħ tliet darbiet il-Bundesliga, tliet darbiet is-Super Cup u darba d-DFB Pokal.
L-għan ta’ Dortmund mistenni jerġa’ jkun li jisfidaw għar-rebħ tal-Bundesliga wara li fl-istaġun li għadu kif intemm, kienu fil-quċċata għal ħafna mill-istaġun iżda spiċċaw il-kampjonat it-tieni. Dan it-trasferiment jista’ jitqies bħala importanti minħabba li akkwistaw plejer direttament mill-isfidanti ewlenin tagħhom.
Hummels ġej minn staġun diffiċli li fih tilef post awtomatiku fit-tim ta’ Bayern Munich kif ukoll f’Marzu li għadda, tneħħa mit-tim nazzjonali Ġermaniż flimkien ma’ Thomas Müller u Jerome Boateng bħala parti minn bidla li qed issir fit-tim immexxi minn Joachim Löw.
//= $special ?>