Wara li saret konsultazzjoni pubblika dwar l-uniformi tal-iskola mal-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri, l-għażla tal-maġġoranza fost kull grupp kienet favur li l-uniformi tkun tracksuit komda u ta’ kwalità, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, beritta u ġakketta għax-xitwa.
Il-konsultazzjonijiet saru fi tliet fażijiet bejn l-1 ta’ Frar u t-18 ta’ Marzu 2019. Il-focus groups saru f’għoxrin skola primarja mqassma fl-għaxar kulleġġi, tnejn f’kull kulleġġ. 91% tal-istudenti mill-iskejjel medji u sekondarji taw l-għażliet tagħhom favur it-tracksuit permezz ta’ survey online. Filwaqt li saret ukoll konsultazzjoni mal-ġenituri u mal-edukaturi.
85% tal-istudenti mill-primarja li ħadu sehem għażlu tracksuit komda u ta’ kwalità bħala uniformi. 89% tal-ġenituri tal-istudenti li jattendu l-iskejjel primarji, medji u sekondarji tal-Istat huma wkoll favur it-tracksuit bħala uniformi. Filwaqt li huma 77% tal-edukaturi li huma wkoll ġenituri, għażlu t-tracksuit bħala uniformi. Min-naħa l-oħra 56% tal-edukaturi li pparteċipaw fis-survey huma wkoll favur it-tracksuit bħala uniformi.
Bħalissa qed isiru diskussjonijiet dwar l-aħjar għażliet fid-disinn u fil-materjal li għandu jkollha t-tracksuit biex tkun komda u adattata għall-iskola. Saret konsultazzjoni interna wkoll dwar kif l-aħjar li għandha tiddaħħal l-uniformi l-ġdida gradwalment biex ma jkunx hemm piż żejjed fuq il-familji. Id-disinn tat-tracksuit il-ġdida għall-primarja u għas-sekondarja se jkollhom xi dettalji li jvarjaw fid-disinn tagħhom. Kull kulleġġ tal-Istat se jkollu dettalji u skemi ta’ kulur partikolari biex jibqa’ jkollhom identità li tidentifika lill-kulleġġ tagħhom. Id-disinn u l-ispeċifikazzonijiet tal-uniformi ġew fdati f’idejn l-istudenti tal-MCAST.
Wara li jkunu finalizzati d-disinni l-ġodda u d-dettalji tal-materjal, jinbeda l-proċess tal-għażla tal-fornitur. Sabiex jingħażel il-fornitur tal-uniformijiet, il-Ministeru se jkun qed jippubblika request for proposals biex ikun jista’ jingħażel l-offerent li jonora l-ispeċifikazzjonijiet kollha mitlubin bl-aħjar offerta finanzjarja. Dettalji dwar min se jingħażel permezz tar-request for proposals u jkun qed jissupplixxi t-tracksuit bħala l-uniformi l-ġdida jkunu pubbliċi hekk kif jiġi finalizzat dan il-proċess.
Il-Ministeru jinforma li se jkun hemm phasing-in tal-uniformi l-ġdida u għaldaqstant se jkunu qed isiru arranġamenti dwar meta tidħol fis-seħħ biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm piżijiet żejda fuq il-ġenituri. Il-Ministeru qed jinforma lill-iskejjel u lill-ġenituri li:
• Sena Skolastika 2019/2020 Ser tinżamm l-uniformi preżenti, waqt li l-ġenituri ser ikunu jistgħu jibagħtu lil uliedhom bit-tracksuit, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, beritta u ġakketta għax-xitwa tal-uniformi attwali.
• Sena Skolastika 2020/2021 It-tracksuit il-ġdida, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, cap u ġakketta għax-xitwa se tkun qed tidħol fil-Kindergarten 1, Year 1, Year 7 u Year 9 mis-sena skolastika 2020-2021.
• Sena Skolastika 2021/2022 Kull student jattendi l-iskola bit-tracksuit il-ġdida, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, beritta u ġakketta għax-xitwa.
Sadanittant min jixtieq jistaqsi xi mistoqsija dwar l-uniformi jista’ jċempel fuq 153.
//= $special ?>