Sport Waterpolo

Nagaev iħarbat lid-difiża Beltija u jressaq lil Marsaxlokk lejn il-Kampjonat Premier

(Ritratt: Jo Aquatic)

MARSAXLOKK BROWN’S…….. 21 VALLETTA VIDEOSLOTS………….16

(4-4), (7-5), (6-3), (4-4)

Ivan Nagaev kien il-protagonist assolut ta’ Marsaxlokk Brown’s Pharmacy hekk kif skorja 13-il gowl waħdu fir-rebħa ta’ 21-16 kontra Valletta Videoslots. Kif żvolġiet il-logħba x-Xlukkajri kien ħaqqhom ir-rebħa minħabba li għarfu s-saħħa tagħhom u fuq in-naħa l-oħra Valletta qatt ma urew li setgħu jirbħu l-logħba. Din ir-rebħa hi aktar importanti għaliex Marsaxlokk wittew it-triq biex ikomplu l-istaġun fil-Kampjonat Premier u sussegwentament jikkundannaw lil Valletta fl-Ewwel Diviżjoni.

Marsaxlokk kellhom vantaġġ ta’ gowl erba’ darbiet fl-ewwel sessjoni iżda fl-erba’ okkażjonijiet Valletta wieġbu mill-ewwel. Ir-raba’ gowl skorjat minn Kholod jasal wara li x-Xlukkajri kellhom gowl imħassar ta’ Nagaev minħabba li kien ġewwa l-ħames metri.

It-tieni sessjoni kompliet fuq l-istess ritmu, b’Marsaxlokk jiddependu fuq il-kwalità ta’ Ivan Nagaev u jieħdu vantaġġ mill-man-ups filwaqt li Valletta kienu statiċi wisq fl-attakki u mhux kompatti fid-difiża. Il-kowċ ta’ Valletta Bogdan Rath kellu jsib soluzzjoni fid-difiża minħabba li James Spiteri Staines u Daniel Paolella kienu fuq żewġ fawls.

Fit-tielet sessjoni, Marsaxlokk komplew iżidu fuq dak li bnew b’Nagaev ikompli x-xalata tiegħu hekk kif skorja erba’ mis-sitt gowls tax-Xlukkajri, b’Valletta ma joffru l-ebda reazzjoni. Kholod ma kienx preċiż fil-konklużjonijiet tiegħu filwaqt li Misic ma rċeviex biżżejjed blalen fis-centre.

B’distakk ta’ ħames gowls, il-logħba kienet mirbuħa u mitlufa b’Valletta ma jidħlux fil-logħba hekk kif Nagaev kompla jsib ix-xibka bi tripletta oħra.

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, L. Calleja, M. Rizzo (1), T. Agius, J. Galea, A. Vlahovic (4), I. Nagaev (13), S. Micallef (2), L. Saliba, M. Cacici, O. Zammit, F. Buhagiar, M. Pace, K. Galea (1)

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius, P. Borg, N. Farrugia (1), R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud (4), M. Cordina (1), C. Zammit, D. Kholod (6), A. Bianchi, R. Bonnici, S. Misic (3)

Referees: Ronnie Spiteri, Massimo Calabrò