Id-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti fl-Università ħabbar li se jkun hemm tibdil fit-tmexxija tiegħu, peress li Prof. Bernard Micallef, wara seba’ snin ta’ tmexxija, se jieħu sena sabbatika u t-tmexxija se tgħaddi f’idejn Dr Michael Spagnol.
Prof. Bernard Micallef laħaq Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-2012, wara li ħa r-riedni mingħand Prof. Manwel Mifsud. Bħala Kap tad-Dipartiment, huwa introduċa diversi taqsimiet-studju ġodda, proġetti u attivitajiet innovattivi.
Dr Michael Spagnol B.A.(Hons.)(Melit.),M.A.(Melit.),Ph.D.(Konstanz) hu lettur fid-Dipartiment tal-Malti u l-Istitut tal-Lingwistika tal-Università ta’ Malta. Ir-riċerka tiegħu tiffoka fuq il-morfoloġija, is-semantika, il-lessikografija u d-djaletti tal-Malti.
F’Jannar tal-2013 fetaħ il-paġna ta’ Facebook “Kelma Kelma” li tiġbor kurżitajiet lingwistiċi bħall-kelma tal-ġurnata, il-qwiel, it-taqbiliet tat-tfal, u l-logħob bil-kliem. Din il-paġna jsegwuha aktar minn 61,000 ruħ.
//= $special ?>