Lokali

Tliet Maltin arrestati fuq droga

Wara ġimgħat ta’ osservazzjoni mill-membri tal-iskwadra ta’ kontra l-vizzju tad-droga, assistiti mill-membri tal-Ispecial Intervention Unit, ilbieraħ kmieni waranofsinhar, sar rejd fiż-żona tal-boat houses li hemm fil-limiti tal-bajja ta San Tumas, f’Marsaskala.

Dan wara li kien qed jiġi rrappurtat li minn kamra partikolari kien qed isir traffikar tad-droga ssuspettata eroina u kokaina.

Ir-rejd irriżulta fl-arrest ta’ tliet irġiel ta’ nazzjonalita’ Maltija residenti Bormla, Ħal Qormi u l-Marsa u iktar tard ta’ tfajla minn residenza fiż-Żejtun.

Din il-ħidma rriżultat fis-sejba ta’ diversi qratas bit-trab abjad u kannella ssuspettata d-droga eroina u kokaina.

Il-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo ġiet infurmata rigward din is-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

It-tliet irġiel mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.