Lokali

F’ġurnata waħda bħalissa hemm 2,500 sit ta’ kostruzzjoni miftuħ f’daqqa

Intervistat fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, il-Kap tal- Building Regulation Office Michael Ferry, tkellem dwar ix-xogħol ta’ dan l-Ufficcju, speċifikament issa…. wara li kien hemm numru ta’ problemi f’bosta siti ta’ kostruzzjoni fl-aħħar ġimgħat.

Waqt din l-intervista ssemmiet l-inkonvenjenza waqt li jkun qed isir ix-xogħol – l-għodod goffi u kbar u x’effett qed ikollhom fuq id-djar li hemm mibnijin madwarhom; djar li nbnew 30-40 sena ilu u ma kienux preparati għal dawn l-inġenji mostrużi. Hawnekk isemma l-inkonvenjent kbir li qed isofru r-residenti tal-madwar.

“L-isfortuna hi li minkejja li sar ħafna progress f’dawn l-aħħar snin għadna ma wasalniex u fadal ħafna xi jsir” qal Michael Ferry.

Rigward id-drittijiet ta’ terzi Michael Ferry qal li nħarġet proposta biex jassiguraw li dawk li joqodu ħajt ma ħajt ikollhom il-possibilta li ma jgħixux imwerwrin – filwaqt li fl-istess sentenza rringrazzja lill-Malta Developers Association .

Il-Kap tal-BRO qal li fl-2013, kuljum kien ikun hemm 450 sit ta’ kostruzzjoni miftuħ filwaqt li illum dan in-numru sploda għal 2,500. Hawnekk għamel aċċen ukoll għall-fatt li m’hemmx biżżejed ħaddiema biex din l-entità tal-gvern tagħmel xogħol kif suppost u għalekk, jekk ma jsirx investimet, il-BRO tfalli.

Michael Ferry semma wkoll id-diffikultajiet li jinbidlu mis-Sajf għax-Xitwa kif ukoll dawn li qed jiżdiedu minħabba l-fatt li hemm nuqqas kbir ta’ nies fl-industrija. Issemmiet ukoll l-importanza li żviluppatur jirrispetta lil dawk ta’ madwaru …u kien hawn illi qal li fl-aħħar 6 snin kien hemm biss 500 ordni ta’ infurzar – medja ta’ 83 azzjoni kull sena.

Michael Ferry ħabbar li bħala uffiċju bħalissa qed joħolqu draft għal reġistru tal-kuntratturi biex kull kuntrattur bid-dettalji kollha tiegħu jiġi mniżżel f’dan ir-reġistru.