Lokali

Gvern li jerġa’ joħroġ ta’ xħiħ mal-bdiewa li għandhom bżonn l-għajnuna

Ritratt: Martin Agius

Il-Gvern għażel li jkun xħiħ ma’ min l-aktar li għandu bżonn. Dan qed jagħmlu il-Gvern għal darba oħra meta għażel li jħallas biss 45 fil-mija tal-ispiża tal-ħsara li saret minħabba l-maltemp tal-aħħar xita meta riħ qalil kisser numru ta’ serer tal-bdiewa tagħna.

Hekk sostna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji Żgħar, il-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd, Edwin Vassallo fejn sostna li l-ħlas ta’ 45 fil-mija mhux biżżejjed biex il-bdiewa tagħna jkunu tassew mgħejuna  jirkupraw u jerġgħu jibnu mill-ġdid l-istruttura tas-serer tagħhom.

Huwa saħaq li l-Gvern qed iwiegħed is-somma ta’ 3.5 miljun ewro. Daqshekk qiegħed iwiegħed il-Gvern li jonfoq mal-bdiewa tagħna meta l-istess Gvern għażel li jkun ħali u bla limitu fejn ried u ma’ min qabillu.

Filwaqt li qed ikun ikkonfermat minn kull statistika li d-dħul tal-bdiewa qed jonqos, donnu dan il-Gvern ftit li xejn  jimpurtah li tassew jgħinhom. Fl-istess applikazzjoni għal dawn il-fondi l-istess Gvern għamel kundizzjonijiet li jkompli jissikka u jagħmilha diffiċli biex il-bdiewa japplikaw għal din l-għajnuna .

Edwin Vassallo temm jgħid li hija ħasra li dan il-Gvern qed jitlef l-opportunità li tassew jgħin lill-bdiewa tagħna li nemmnu li tassew għandhom il-bżonn tal-għajnuna biex ikunu jistgħu jirbħu fuq l-isfidi tagħhom.