Il-Ministru Ian Borg jidher li se jinjora dak li qalet il-Qorti sempliċiment billi jisserva b’interpretazzjoni legali tat-tim legali tiegħu.
Kienet din ir-reazzjoni ta’ Noel Ciantar, li grazzi għal kawża li fetaħ hu sar magħruf li l-Awtorità tal-Ippjanar kisret il-liġi meta ħarġet permess lil Ian Borg biex jibni swimming pool f’post fejn bħalissa wieħed isib għalqa. Il-proġett hu propost li jsir biswit ir-residenza tal-istess Ministru f’Wied Liemu, f’Santa Katarina.
Ciantar, jiddikjara li jekk ikompli bil-pjani tiegħu kif ħabbar fuq Facebook, Borg se jkun qed jinjora awtorità pubblika għat-tielet darba dwar l-istess suġġett.
Il-Ministru Ian Borg filfatt injora dak li qal l-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar il-permess tar-residenza tiegħu, injora lill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni l iaċċettat dak li qal l-Ombudsman dwar l-istess permess u issa se jkun qed jinjora lill-Qorti tal-Appell.
Dan għaliex il-Qorti tal-Appell aċċettat it-talba ta’ Noel Ciantar biex tkun imħassra, revokata u annullata d-deċiżjoni tal-ħruġ tal-permess lil Ian Borg. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ddikjarat li l-Awtorità tal-Ippjanar applikat policies li ma japplikawx f’dan il-każ.
Ian Borg jiċħad dan, għalkemm fis-sentenza tal-Qorti mibgħuta lil Net News jidher mod ieħor. Tant hu hekk li Ciantar jiddikjara li t-tim legali tal-Ministru sempliċiment qed jagħmel interpretazzjoni differenti tad-deċiżjoni.
Ciantar jinnota li l-Ministru Ian Borg ma jistax jiddikjara li l-Qorti irrevokatlu biss l-appell u mhux il-permess oriġinali. Dan għaliex hemm biss permess wieħed li ħareġ f’Novembru li għadda u li dwaru sar l-appell propju għaliex ħareġ b’mod skorrett fuq policies li mhux suppost japplikaw.
Fid-dawl ta’ dan, Noel Ciantar jistaqsi jekk l-Awtorità tal-Ippjanar, li tagħha Ian Borg hu politikament responsabbli, hix se tipproteġi lill-istess Ministru jew inkella hix se tirrevoka l-permess.
Jiddikjara li Ian Borg messu jara li l-Awtorità li hu responsabbli minnha timxi mal-liġi u l-policies fit-twettieq tax-xogħol tagħha mingħajr biża’ u favuri.
Ciantar jinnota li suppost il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar jagħti eżempju u allura, jekk l-Awtorità ma rrevokatx il-permess minn jedda, għandu jagħmel dan hu stess.
Fid-dawl ta’ dan, Noel Ciantar qed jirriserva d-drittijiet legali għal azzjoni ulterjuri kemm il-darba l-Ministru Ian Borg jinsisti li jmur kontra d-deċiżjoni tal-Qorti. Dan biex jara li din id-deċiżjoni tkun rispettata. d0 \lsdpriori
//= $special ?>