Lokali

Il-Pulizija Maltija tikkoopera biex jitkisser ċirku ta’ evażjoni tat-taxxa

Il-Pulizija fl-Italja kixfet ċirku ta’ traffikar ta’ oġġetti tat-teknoloġija u l-informatika bejn l-Italja u s-Slovenja bil-konsegwenza li matul is-snin saret evażjoni tat-taxxa li tlaħħaq il-miljuni tal-ewro.

Dan wassal biex fl-aħħar jiem fl-Italja saru diversi arresti mill-uffiċjali tal-Guardia di Finanza ta’ Napli u Lucca li wettqu wkoll sekwestru preventiv għall-valur ta’ iktar minn €83 miljun meqjusa bħala profitti rregolari.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li biex iwettqu dan in-negozju rregolari, dawk investigati kienu jixtru mobiles, consoles tal-logħob u kompjuters mis-Slovenja, jiħduhom l-Italja u jbiegħuhom lil persuni negozji oħra mingħajr ma jħallsu t-taxxa.

B’hekk dawk li jerġgħu jbiegħuhom kienu jagħmlu l-qligħ minn fuq it-taxxa mhux imħallsa, ma jiddikjarawiex u jżommuha huma.

B’hekk sa mill-2014 għamlu negozju ta’ madwar €500 miljun bl-użu ta’ diversi soċjetajiet maħluqa apposta u legalment dikjarati fuq isem persuni li mhux involuti iżda li aċċettaw li jintuża isimhom.

Filfatt jidher li ż-żewġt irġiel akkużati bħala l-imħuħ wara dawn ir-reati kienu jabbużaw mis-sitwazzjoni ekonomika ta’ persuni bla saqaf fuq rashom jew bi problemi finanzjarji billi joffrulhom mijiet ta’ ewro talli jiffirmaw il-karti f’isem soċjetà rreġistrata fi Trento.

L-investigazzjoni oriġinarjament bdiet mill-awtoritajiet Sloveni, li talbu li tkun dikjarata Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea li nvolviet ukoll lil Malta.

Dan għaliex fost dawk investigati hemm raġel li hu residenti f’Malta. L-awtoritajiet Maltin filfatt kienu parti minn dawk ta’ grupp ta’ pajjiżi oħra, inkluż is-Slovenja, Kroazja u l-Estonja.

B’kollox qed ikunu nvestigati 49 persuna akkużati li naqsu milli jirrappurtaw kif ukoll b’reati fiskali, bl-aggravanti transnazzjonali, bħall-ħruġ ta fatturi għal operazzjonijiet li ma jeżistux, qerda u ħabi ta’ dokumenti tal-kontabilità u falliment frodulenti fost oħrajn.