Lokali

“Ilna s-snin nisħqu dwar bzonn ta’ titjib fl-industrija tal-kostruzzjoni” – Il-President tal-Kamra tal-Periti

Fid-dawl tal-abbozz il-ġdid tal-Gvern dwar il-bini, il-Kamra tal-Periti bgħatet dokument dettaljat lill-periti kollha li fih tgħid fejn taqbel u fejn ma taqbilx ma’ dan l-abbozz, qabel ma nhar il-Ġimgħa f’Laqgħa Ġenerali Straordinarja tiddeċiedi l-pożizzjoni tagħha – pożizzjoni li l-Kamra se tkun qed tippreżenta lill-Gvern fil-jiem li ġejjin.

Dan ħabbritu Simone Vella Lenicker, President tal-Kamra tal-Periti waqt il-programm Net Live meta kienet il-mistiedna ta’ Amy Borg.

Hi tkellmet dwar dawk li ddeskriviet bħala kwistjonijiet li l-Kamra tal-Periti ilha s-snin tisħaq fuqhom. Kwistjonijiet li jinkludu bżonn ta’ regolamentazzjoni fil-bini, bżonn li l-kuntratturi jkunu reġistrati u l-kwestjoni tal-liċenzjar tal-bennejja.

Vella Lenicker qalet ukoll li dan l-abbozz li misteni jidħol is-seħħ il-ġimgħa d-dieħla qed japplika b’mod retroattiv, li jfisser li se jkun qed japplika anke fuq proġetti li diġa bdew.  Il-President tal-Kamra tal-Periti qalet li jekk dan iseħħ se kun hemm dewmien fit-tkomplija ta’ dawn il-proġetti u għaldaqstant qalet li jkun jagħmel akter sens jekk dawn ir-regolamenti l-ġodda jkunu japplikaw għal proġetti ġodda.

Hi tkelmet ukoll dwar is-site manager u kif f’dan l-abbozz il-ġdid, dan ir-rwol jista’ jiġi assenjat mill-perit fin-nuqqas li l-kutrattur jonqos li jagħmel dan u jonqos li jgħid x’tip ta’ kwalifiċi għandu bżonn persuna biex jieħu fuqu dan ir-rwol. 

Vella Lenicker qalet li l-Kamra tal-Periti ma taqbilx ma dan u titlob li jkun hemm reġistru ta’ presuni kwalifikati bħala Site Managers.  Hi qalet ukoll li l-problemi ma nsolvuhomx billi nitfgħu dan ir-rwol fuq il-perit.

Il-President tal-Kamra tal-Periti tat ukoll ir-reazzjoni tagħha għall-mod kif il-Prim Ministru għal darba darbtejn fl-aħħar ġimgħat tefa’ l-ħtija tal-inċidenti tat-tiġrif fuq il-periti,

Simone Vella Lenecker qalet li wieħed għandu jkun responsabbli u ma jistax jaqbad u jitfa’ l-ħtija fuq xi ħadd wieħed partikolari.