Ilbieraħ fil-Parlament Malti id-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar seta’ jivvota indipendentement għall-ewwel darba u dan b’sistema addattata għall-bżonnijiet tiegħu. Cutajar hu l-ewwel Deputat fl-istorja tal-Parlament Malti li hu nieqes mid-dawl.
Sabiex ikun jista jagħmel dan, saru tibdiliet fil-monitor li juża fejn twaħħlu sinjali tal-braille fuq il-frame tal-monitor.
Dawn l-arranġamenti l-ġodda saru bl-għajnuna tal-uffiċċju tal-Ispeaker li fost l-oħrajn sejjaħ laqgħa aktra kmieni din il-ġimgħa biex jiddiskuti flimkien mal-iskrivan tal-Kamra, mal-Whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar u mad-Deputat Kevin Cutajar innifsu, l-aħjar mod li tista tiġi ffaċilitata l-ħajja tiegħu fi ħdan il-binja tal-Parlament.
Waqt is-seduta tal-bieraħ l-ispeaker qal li fil-Parlament intlaħaq tragward ġdid u saħaq li hu dejjem lest jgħin biex isiru t-tibdiliet meħtieġa sabiex Kevin Cutajar ikun jista’ jaqdi dmiru bl-aħjar mod u mingħajr xkiel bla bżonn.
Sadanittant saru anke arranġamenti biex Cutajar ikun jista’ jirċievi l-Mistoqsijiet Parlamentari b’mod faċli.
Ilbieraħ ittieħdu 11-il vot fil-Parlament li 10 minnhom kienu voti dwar l-estimi tal-korporazzjonijiet tal-Gvern u l-vot l-ieħor kien dwar it-tieni qari tal-abbozz relatat mal-Avuktat tal-Istat.
//= $special ?>