Lokali

L-ikbar arblu u bandiera f’Għawdex

Nhar il-Ħadd, 16 ta’ Ġunju 2019, reġgħu armaw l-arblu kbir ġdid ħdejn it-Torri ta’ Kenuna.  Dan huwa twil 160 pied;  l-itwal arblu fin-Nadur u f’Għawdex.  Dan tħallas mill-Kumpaniji ta’ Joseph Portelli Projects u ta’ Karkanja Property.  

Il-bandiera tat-tliet kuluri, Isfar, Abjad, Aħmar, ta’ 83 bi 68 pied, ġiet ordnata minn barra u tħallset minn Justin Sciberras ta’ General Lifts Comp., ilkoll Nadurin.  L-arblu ġie iwelldjat minn Joseph Buttigieg u ġie mtellgħa minn Said Construction.  Ħadu ħsieb ta’ kollox l-Għaqda Żgħażagħ  Briju ta’ l-Imnarja.

L-ewwel wieħed kien sar f’Ġunju 2007, u kien twil 145 pied.  Dan kien inqasam min-nofs f’maltempata li kienet għamlet f’Novembru 2018. 

It-tliet kuluri tal-bandiera huma sinonomi mal-bnadar ta’ Malta u tal-Vatikan.  Għaliex fuq il-100 sena ilu n-Nadurin kienu jagħmlu l-bandalori u l-pavaljuni ta’ l-Imnarja b’dawn it-tliet kuluri li huma assoċjati tal-Vatikan ma San Pietru u ta’ Malta ma’ San Pawl.  Anke il-mantelli tagħhom iġibu dawn il-kuluri.  Fil-waqt li l-abjad huwa ugwali għaż-żewġ bnadar.

Jekk fl-Italja għandhom it-Tre Colori, hawn in-Nadur ukoll għandhom it-Tliet Kuluri.  Issa l-Kunsill Lokali tan-Nadur għamel ġemellaġġ mat-tliet lokalitajiet mill-Italja, Cicciano (2000), Baveno (2003), Zafferana Etnea (2018).  Għalhekk nistgħu ngħidu u anke n-Nadur fil-kwantita ta’ kuluri jaqblu wkoll.

Fl-aħħarnett ta’ min igħid li l-Bandiera tan-Nadur kienet ġiet magħżula minn kumitat apposta fid-29 ta’ Jannar 1987 taħt il-presidenża tal-Arċipriet Mons. Salvu Muscat;  fiha ġew inkorporati t-tliet kuluri, Isfar, Abjad u Aħmar.Ta min ifakkar hawn li l-akbar arblu li hawn fid-dinja jinsab fil-belt kapitali tal-Gordan, f’Amman, li huwa twil 267.8 metru, u l-bandiera hija 60 X 30 metri.