Fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju, fil-belt ta’ Ħal Qormi, tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġorġ Martri. Għal sena oħra l-Għaqda tan-Nar 23 t’April ħejjiet programm ta’ xogħol pirotekniku li se joffri spettaklu matul il-ġimgħa kollha.
Hemm kull tip ta’ xogħol pirotekniku, beraq, murtali bil-logħob, murtali tal-kulur, blalen, raġġieri u effetti pirotekniċi oħra li jpaxxu l-għajnejn. Ma jonqosx li l-għaqda tan-nar tħejji spettaklu piromużikali li issa saret magħrufa għalih bl-isem ta’ Diamonds In The Sky, bid-differenza li għal din is-sena l-ispettaklu se jkun l-ikbar wieħed minn mindu beda jsir fl-2013.
Għal dan l-ispettaklu li se jdum aktar minn nofs siegħa se jkun hemm taħlita ta’ mużika li żgur tolqot il-gosti ta’ kulħadd. Spettaklu b’ammont kbir ta’ fjammi, żbroffi, blalen ta’ bosta qisien kif ukoll ftuħijiet differenti li se jkunu qed jakkumpanjaw il-mużika.
Lejlet il-festa wkoll se jkun hemm spettaklu ta’ nar tal-art fil-parti ta’ ġewwa tal-Wied li għall-ewwel darba miegħu se jkun hemm parti ta’ nar fiċ-ċokon akkumpanjat ma’ mużika moderna bl-isem ta’ Valley of Diamonds. B’kollox dan l-ispettaklu se jkun ta’ madwar seba’ minuti.
Il-Ħadd imbagħad se jkun hemm programm ieħor spettakulari bil-qofol jintlaħaq mal-kaxxa tal-ħruġ li din l-Għaqda hi sinonima għaliha. Kaxxa b’diversi refgħat u anke effetti differenti.
Il-Kamra tan-Nar ta’ San Ġorġ għandha storja li tmur lura għal 93 sena. Storja li rat kemm ġrajjiet ta’ ferħ u anke ta’ niket. Fost oħrajn tissemma t-traġedja tal-1982 li fiha l-Għaqda kienet tilfet tlieta minn uliedha. Imma jissemmew ukoll mumenti sbieħ u ta’ suċċess.
L-Għaqda tan-Nar kienet parteċipi f’numru ta’ avvenimenti nazzjonali. Kienet hemm f’anniversarji sinonimi mal-indipendenza ta’ pajjiżna, anniversarji importanti u l-aħħar li kienet hemm u kitbet parti mill-istorja kien meta fis-sena 2017 għamlet spettaklu pirotekniku quddiem il-Prinċep Karlu tal-Ingilterra fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mill-Għoti tal-George Cross lill-gżejjer Maltin.
Il-festa ta’ San Ġorġ din is-sena se tkun iċċelebrata bejn l-24 u t-30 ta’ Ġunju.
//= $special ?>