Lokali

Tifla ta’ 10 snin titlef ħajjitha f’ħabta

Tifla ċkejkna ta’ 10 snin tilfet ħajjitha wara li kienet involutha f’inċident tat-traffiku.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5.30pm fi Triq il-Prajjet, li hi t-triq ta’ bejn il-Manikata u Popeye’s Village. Dak il-ħin, karrozza tat-tip Nissan li kienet qed issuq f’din it-triq sabet ma wiċċha karozza tal-kiri li kienet ġejja wrong way. Is-sewwieqa tan-Nissan teptep id-dawl lit-turisti biex jirriversjaw meta fil-pront ġiet karozza tat-tip Toyota Aygo minn wara n-Nissan li għal xi raġuni tilfet il-kontroll u spiċċat wiċċha bil-kontra.

L-Aygo kienet misjuqa minn raġel ta’ 49 sena li kellu miegħu lil bintu ta’ 10 snin, li mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li ħabtet rasha.

Fuq il-post ġew msejħa membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li għenu biex inħarġet it-tifla, kif ukoll Uffiċjali tal-Pulizija u tim mediku tal-ambulanzi li ħadu lill-vittmi l-Isptar Mater Dei.

Sfortunatament it-tifla ta’ 10 snin tilfet il-ġlieda mal-mewt aktar tard – filwaqt li missierha ġie ċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u l-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech fetħet inkjesta maġisterjali dwar il-każ.