Lokali

Żewġ anzjani milquta minn żewġ vetturi f’inċidenti separati

Mara ta’ 81 sena sofriet ġrieħi serji wara li spiċċat milquta minn vettur fl-Imsida. Il-każ seħħ ftit tal-minuti biss wara li l-Pulizija kienu msejjħa fuq inċident simili fil-Mosta.

Kien għall-10:50am meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq ix-Xatt, l-Imsida. Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fil-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li mara Taljana ta’ 81 sena, sfat milquta minn vettura tat-tip Mitsubishi L200 li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 51 sena, residenti r-Rabat.

Fil-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard hija ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi.

Ftit tal-minuti qabel il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn lassistenza tagħha fi Triq Ponsomby kantuniera ma’ Triq Guzeppi Callus, il-Mosta, minħabba li persuna kienet intlaqtet minn vettura.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fil-post fejn irriżulta li raġel ta’ 54 sena residenti l-Ħamrun, kien qiegħed isuq il-vettura tat-tip Ford Transit meta għal xi raġuni laqat raġel ta’ 63 sena residenti l-Mosta.

Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fiż-żewġ każi għadhom għaddejjin.