Sport Sport Ieħor

Brian Cini u Alex Borg iħallu pajjiżna biex jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja tat-timijiet

Alex Borg u Brian Cini ħallew pajjiżna biex jiffurmaw it-tim Malti li se jieħu sehem fit-Tazza tad-Dinja tas-snooker. Dan it-tournament tat-timijiet se jintlagħab f’Wuxi City Sports Park Stadium fil-belt ta’ Wuxi fiċ-Ċina bejn it-Tnejn 24 u l-Ħadd 30 ta’ Ġunju. It-Tazza tad-Dinja se tintwera wkoll f’xi stazzjonijiet tat-televiżjoni fosthom Eurosport u CCTV5. Fiċ-Ċina hemm ukoll ir-referee Terry Camilleri li se jikkontrolla xi logħbiet.

B’kollox se jieħdu sehem 24 tim. L-aħjar plejers minn kull pajjiż se jkunu qed jirrappreżentaw lil pajjiżhom. Fost il-favoriti hemm iċ-Ċina li bit-tim magħmul minn Ding Junhui u Yan Bingtao se jiddefendu t-titlu, l-Ingilterra b’Kyron Wilson u Jack Lisowski kif ukoll l-Iskozja bi plejers ta’ esperjenza bħal John Higgins u Stephen Maguire.

L-erbgħa u għoxrin tim huma maqsuma f’erba’ gruppi ta’ sitt timijiet, bl-ewwel tnejn jgħaddu għall-kwarti tal-finali. Fil-gruppi l-logħbiet ikunu fuq ħames frames kull logħba u jitilgħu għal seba’ frames mill-fażi tan-knock-out.

It-tim Malti jinsab fi Grupp D li jinkludi lill-eks champion tad-dinja Mark Williams u Ryan Day ta’ Wales, Zhou Yuelong u Liang Wenbo taċ-Ċina B u Alexander Ursenbacher, Louis Vetter tal-Iżvizzera, Steve Mifsud u Ryan Thomerson tal-Awstralja u Lucky Vatnani u Himanshu Jain tal-Indja. L-ewwel logħba se tkun it-Tnejn li ġej fis-6.00am ħin ta’ Malta kontra l-Iżvizzera.