Sport Sport Ieħor

Dumoulin se jitlef it-Tour de France

(Ritratt: Yuzuru Sunada)

Aħbar ħażina għal Team Sunweb hekk kif tħabbar li Tom Dumoulin se jitlef it-Tour de France tax-xahar id-dieħel minħabba tħassib li ma kienx se jkun fl-aqwa kundizzjoni fiżika wara li weġġa’ l-irkoppa. Iċ-ċiklist ta’ 28 sena saħansitra kellu jabbanduna l-Giro d’Italia tax-xahar li għadda.

“Ix-xahar l-ieħor kien diffiċli ħafna minħabba l-problemi biex nirkupra mill-injury fl-irkoppa. Wara dak li ġara fil-Giro, ridt ħafna li nikkompeti fit-Tour iżda din il-ġimgħa rrealizzajt li mhux realistiku għal-livell tiegħi li nkun preparat fil-ħin. Pruvajt ħafna imma rrid nisma’ x’qed jgħidli ġismu u naċċetta l-fatt li qed niġri wara mira mhux realistika,” qal Dumoulin.

Ir-rebbieħ tal-Giro d’Italia tal-2017 kien mistenni jisfida liċ-champion renjanti Geraint Thomas ta’ Team Ineos fit-Tour de France li jibda fi Brussell fis-6 ta’ Lulju. Din l-aħbar issegwi dik ta’ Chris Froome li l-ġimgħa weġġa’ serjament f’ħabta waqt il-Criterium du Dauphine. L-erba’ darbiet rebbieħ tat-Tour de France għandu madwar sitt xhur biex jirkupra.